Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskejjel
Aktar minn 70 skola primarja u sekondarja illum ħadu sehem f'diversi attivitajiet biex ifakkru "Il-Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskejjel". Din is-sena hi l-ewwel darba li qed ikun iċċelebrat dan il-jum kemm f'Malta kif ukoll fid-diversi pajjiżi Ewropej li ssieħbu f'din l-inizjattiva tal-Għaqda Ewropea tal-Ġenituri. Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea żar numru ta' skejjel ta' l-Istat u tal-Knisja li organizzaw attivitajiet interessanti ħafna bil-parteċipazzjoni tal-ġenituri.
Il-Programm għal dan l-ewwel "Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskejjel" qed ikun ikkordinat mill-Office of Review tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. L-iskejjel kollha intalbu jorganizzaw attivitajiet marbuta ma' din il-ġurnata bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-ġenituri tat-tfal li jattendu dik l-iskola. L-attivitajiet kienu jinkludu:
- Seminars/wokshops u taħdidiet edukattivi għall-ġenituri (ir-rwol tal-ġenituri fl-iskejjel); l-abbuż tad-droga; il-qari u sehem il-ġenituri; l-assessjar u l-eżamijiet; it-trobbija ta’ l-ulied; paired reading; dixxiplina; l-importanza tal-logħob fl-edukazzjoni bikrija
- Ftuh ta’ librerija għall-genituri
- Open Days, Exhibitions u kunċerti
- Ftuh ta’ kmamar għall-ġenituri
- Attivita’ kulturali
L-iskop ewlieni ta' dawn l-attivitajiet hu biex il-ġenituri jkomplu jifhmu dejjem aktar l-importanza li jieħdu sehem attiv fil-ħajja edukattiva ta’ uliedhom. Bħala parti mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati, ser ssir Konferenza Nazzjonali għall-ġenituri u l-għalliema bit-tema "Insaħħu dak li bdejna għall-ġid ta’ uliedna." nhar is-Sibt 12 t’Ottubru 2002, fil-Lukanda New Dolmen, Qawra.
Il-Ministru Louis Galea iltaqa' ma' numru kbir ta' ġenituri li attendew l-attivitajiet organizzati mill-iskejjel Sir Adrian Dingli Junior Lyceum, id-Dorotei f'Ħaż-Żebbuġ, il-primarja St. Benedict ta' Ħal Kirkop u l-primarja ta' Ħal Għaxaq.
Fl-iskola Sir Adrian Dingli, il-ġenituri kienu mistiedna biex flimkien mat-tfal tagħhom jaraw il-blokk li għadu kemm ġie irrinovat din is-sena. Il-ġenituri setgħu ukoll jaraw xi xogħol li qed jagħmlu t-tfal tagħhom fl-iskola. Waqt l-assemblea tkellmu kemm il-ġenituri kif ukoll l-għalliema u t-tfal stess. Il-Ministru f'diskors li għamel qal li biex l-edukazzjoni tirnexxi hemm bżonn il-parteċipazzjoni u l-involviment tat-tliet partijiet - il-ġenituri, l-istudenti u l-għalliema - u dan hu fil-fatt dak li jisħaq il-Kurrikulu Nazzjonali. Il-Ministru qal li kemm il-Kunsill Nazzjonali għall-Kurrikulu kif ukoll id-diversi Focus Groups (partikolarment dak dwar l-involviment tal-ġenituri) qed jaħdmu biex dak li jingħad fil-kurrikulu jibda jseħħ fl-iskejjel tagħna.
Fl-iskola tad-Dorotei, il-Ministru ra diversi xogħlijiet li ittellgħu mit-tfal u l-għalliema u tkellem mal-ġenituri li attendew sessjonijiet minn counsellor u mill-ġenituri stess. Waqt iż-żjara tal-Ministru, il-ġenituri u t-tfal kienu qed jieklu ikel ippreparat mill-ġenituri stess għal din l-okkażjoni.
Fl-iskola Primarja ta' Ħal Kirkop, il-Ministru attenda sessjoni li kienet qed issir għall-ġenituri dwar il-qari għat-tfal iż-żgħar. Il-Ministru kellu l-opportunita' jitkellem mal-ġenituri dwar l-importanza tal-qari u kemm hu importanti li jipprovdu kotba għat-tfal u joqogħdu magħhom meta jaqraw.
Il-Ministru faħħar b'mod partikolari lill-ġenituri li attendew fl-iskola ta' Ħal Għaxaq fejn l-attendenza kienet waħda sabiħa ħafna. Il-Ministru qal li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet organizzati f'dan l-ewwel "Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskejjel" turi r-rieda ta' kull min hu involut fil-proċess edukattiv li jissieħeb għall-ġid tat-tfal.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926