Jonqsu l-każi ta’ korriment fil-post tax-xogħol
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ġew irrapurtati lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali 183, jew seba’ fil-mija, inċident inqas fuq il-post tax-xogħol. Dawn iċ-ċifri juru li x-xejra li qbadna fl-aħħar snin, fejn l-inċidenti fil-post tax-xogħol qed jonqsu, kompliet.
Il-Ministru Zammit Dimech kien qed jitkellem waqt konferenza tal-ahbarijiet li gabet fi tmiemha il-Health and Safety Bus Tour, flimkien mat-tnedija tas-Safety Card mill-BICC.
Hu qal li l-inċidenti fil-post tax-xogħol niżlu minn 4.8 fil-mija ta’ dawk kollha jaħdmu fl-1997 għal 4.3 fil-mija fl-1998, 3.9 fil-mija fl-1999, 3.8 fil-mija fl-2000 u 3.7 fil-mija fl-2001. Fl-1992 kienu laħqu 5.5 fil-mija.
Francis Zammit Dimech qal li dan it-tnaqqis fl-inċidenti hu r-riżultat ta’ ħidma li qed issir minn kulħadd, biex il-ħaddiema jsiru aktar konxji mis-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol u għalhekk mill-importanza li jieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex ikunu evitati inċidenti bħal dawn.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura waqqfet Unit Intern għas-Saħħa u s-Sigurta’ (WDIHSU) sentejn ilu. Dan il-unit, li jifforma parti mid-Dipartiment ta’ l-Industrja tal-Bini, matul is-sena li għaddiet kompla jissaħħaħ bir-reklutaġġ ta’ inspector u tlett trainee inspectors. Dawn it-trainee inspectors qed jattendu kors ta’ diploma fis-saħħa u s-sigurta’. F’Mejju li għadda, din it-taqsima lestiet u ppublikat dokument ta’ policy dwar saħħa u sigurta’ fil-post tax-xogħol għad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Hu qal li din it-taqsima twettaq xogħol regolari ta’ spezzjonijiet ta’ postijiet tax-xogħol biex tiżgura li dawn il-postijiet joffru ambjent ta’ sigurta’ għall-ħaddiema kif ukoll biex jiġi monitorjat l-użu ta’ ilbies protettiv.
Id-Dipartiment tad-Drenaġġ kompla jieħu miżuri biex isaħħaħ is-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol. Hu qal li minbarra li kienu ġew investiti madwar kwart ta’ miljun lira f’tagħmir u taħriġ għall-ħaddiema kollha f’dan id-dipartiment, kompliet issir is-superviżjoni meħtieġa biex jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha mill-ħaddiema fix-xogħol tagħhom.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li entita’ oħra fi ħdan il-Ministeru tiegħu li kienet qed taħdem bla heda biex il-ħaddiema jsiru dejjem aktar konxji mis-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol kienet il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrja tal-Bini (BICC). Hu qal li l-BICC nieda s-Safety Bus Campaign fejn inżammu żjarat f’diversi siti ta’ kostruzzjoni bl-iskop li jkunu mħarrġa l-ħaddiema preżenti fuq is-sit fil-qasam tas-saħħa u s-sigurta’. F’dawn iż-żjarat, li saru bl-għajnuna ta’ l-Awtorita’ tas-Saħħa u Sigurta’, ittieħdu filmati waqt li l-ħaddiema kienu fuq ix-xogħol. Wara l-ħaddiema kienu murija l-istess filmati fejn kien spjegat lilhom il-perikli li jkunu fihom.
Francis Zammit Dimech qal li l-BICC ħadet inizjattiva oħra, dik li toħroġ safety card lil dawk il-ħaddiema li jipparteċipaw f’kors organizzat minnha dwar s-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol. Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir jinnota li għal dan il-kors ta’ taħriġ basiku kien hemm tweġiba qawwija tant li kien hemm aktar minn 300 li pparteċipaw. Hu qal li kull min jattendi għal dan il-kors jingħata ċertifikat apposta imsejjaħ safety card li l-ħaddiema jridu jżommu fuq il-lant tax-xogħol.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura irringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu biex il-ħaddiem isir aktar konxju mill-perikli li jista’ jiltaqa’ magħhom fil-post tax-xogħol filwaqt li ħeġġeġ lill-istess ħaddiema biex jilbsu ilbies protettiv u biex jagħmlu użu sħiħ mit-tagħmir li jħarishom minn inċidenti.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926