Stqarrija mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tas-Servizzi Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo, b’risposta ghal stqarrija mahruga mill-Partit Laburista dwar is-Self Employed
In-numru ta’ applikazzjoniet għall-liċenzji tan-negozji ġodda fl-ewwel 4 xhur ta’ l-operat tat-Trade Licensing Unit kien ta’ 457 minn total ta’ 867 applikazzjoni li daħlu sabiex jiġu pproċessati f’dan id-Dipartiment il-ġdid fid-Diviżjoni tal-Kummerċ. Dan hu riżultat ta’ eżerċizju li fih tnaqqset il-burokrazija.
Dan in-numru ta’ liċenzji tan-negozju ġodda f’4 xhur, huwa iżjed minn numru tal-liċenzji tan-negozji kollha li ġew ipproċessati f’kull sena, f’dawk is-sentejn li fihom kien Prim Ministru Dr. Alfred Sant. Jekk f’dan il-pajjiż il-Partit Laburista jrid jitkellem ‘fuq negozju sejjer ħażin’, żgur li l-ebda self employed ma jista’ jinsa s-sentejn tal-Gvern precedenti li f’dawn l-aħħar sitt snin kienu l-aghar sentejn ghal kull min kien fin-negozju.
Tant hu hekk li fl-1997 kienu ħarġu 418 licenzja tan-negozju u fl-1998 kienu nħarġu 388 liċenzja tan-negozju. Illum, meta skond l-Oppozizzjoni Laburista m’hawnx flus fl-idejn, minn April sa Awissu biss ta’ din is-sena, kien hemm talba ghal 457 applikazzjoni għal-liċenzja ġdida tan-negozju.
F’dan iż-żmien ukoll li fih il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni qed isostni li m’hawnx flus fl-idejn, l-importazzjoni għall-konsum lokali żdiedet bi 11-il miljun u laħqet Lm192.4 miljun. L-importazzjoni ta’ prodotti f’kull settur tal-konsum lokali zdied meta mqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena l-ohra.
Fis-settur ta’ l-ikel u x-xorb, l-importazzjoni għall-perjodu ta’ Jannar sa Awissu tas-sena 2001 kienet ta’ Lm61.6 miljun lira filwaqt li fl-istess perjodu ta’ din is-sena, l-importazzjoni laħqet Lm64.1 miljun lira, jiġifieri żieda ta’ 2.5 miljun lira.
L-importazzjoni f’durable goods għall-perjodu ta’ Jannar sa Awissu tas-sena 2001 kienet ta’ 76.9 miljun lira filwaqt li għall-istess perjodu ta’ din is-sena l-importazzjoni telat ghall-78.1 miljun lira, li tfisser żieda ta’ 1.2 miljun lira.
L-importazzjoni ta’ oġġetti oħra għall-konsum lokali għall-perjodu ta’ Jannar sa Awissu tas-sena 2001 kienet Lm 42.8 miljun lira, filwaqt li għall-istess perjodu ta’ din is-sena, l-importazzjoni telgħat għall-50.2 miljun lira jiġifieri żieda ta’ 7.4 miljun lira.
Din l-informazzjoni li hi skond l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika tixhed li għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħed jgħid il-Partit Laburista, fil-pajjiż negozju hawn u flus fl-idejn hawn ukoll. Li kieku ma kienx hekk, kieku l-importazzjoni ta’ affarijiet għal konsum lokali ma kienetx tiżdied kif fil-fatt għamlet.
L-isfida iżda hija, li kull min hu fin-negozju qiegħed jiffaċċja kompetizzjoni, u dan għax in-numru tan-negozji qiegħed jiżdied kompletament. Dan qed iwassal biex kull min qed jinvesti u jirranġa in-negozju biex jilqa’ għall-kompetizzjoni qed jirnexxi fin-negozju tiegħu. Dan ġie sostnut ukoll mill-kummenti li ħarġu mill-istess sidien ta’ ħwienet ġewwa Paceville li komplew jikkonfermaw li fil-kompetizzjoni li qed tiżdied, jekk wieħed irid jirnexxi jrid timmodernizza n-negozju tiegħu, u dawk li m’għamlux hekk waqgħu lura fit-tellieqa tal-kompetizzjoni.
Il-fatt li qed tiżdied il-kompetizzjoni kif ukoll il-liċenzji tan-negozju, jixhdu li għall-kuntrarju li qed jgħid il-Partit Laburista, flus fl-idejn hawn u n-negozju fuq livell nazzjonali qiegħed jiżdied ukoll.
Fil-laqgħat tiegħu mas-self employed, il-Partit Laburista għandu l-opportunità li juri kemm hu serju billi jghid il-verità u jikkummenta fuq ir-rejaltà kif inhi. Jekk irid juri li hu serju, lis-self employed li jkollu quddiemu, għandu jiggwidahom sabiex ma jibqgħux iħarsu biss kif sejrin individwalment, iżda jkollu l-kuraġġ juri l-isfidi vera minn fejn ġejjin. L-istqarrija tal-Partit Laburista tixhed li f’dawn il-laqgħat, il-Partit Laburista qiegħed jinqeda bil-kummenti ta’ whud mis-self employed u jipprova jagħti l-impressjoni li r-realtà hija waħda u għal kulħadd l-istess.
Il-Gvern qed jagħmel min kollox biex joħloq l-aħjar ċirkustanzi possibbli fejn in-negozju jkun jista’ jikber, fost ohrajn billi jnaqqas l-burokrazija u jara li jkompli jiżviluppa l-politika imprenditorjali li ttejjeb iċ-ċirkustanzi u l-ambjent li fihom qed jaħdem is-self employed.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926