It-tisbiħ tal-promenade ta’ San Ġiljan jitlesta qabel is-sajf
Meta kien qed jindirizza laqgha pubblika dwar l-ahhar fazi ta’ tisbih tal-promenade ta’ San Giljan u inawgura s-sistema gdida ta’ dawl dekorattiv fl-istess promenade, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ unur għalih li beda jwettaq f’pajjiżna proġetti ta’ tisbiħ meta fl-1996 f’Marsaskala, b’investiment ta’ aktar minn Lm2 miljun, inbidlet is-sistema tad-drenaġġ u nbena mill-ġdid il-promenade tul Triq ix-Xatt. Hu qal li dawn il-proġetti komplew taħt il-Gvern preċedenti u ssuktaw taħt dan il-Gvern biex illum nistgħu niftaħru li sebbaħna l-promenades ta’ Marsaskala, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Bugibba, il-Qawra, ix-Xatt tal-Gzira, il-Ġnejna, Għar Lapsi, il-bajja ta’ San Tumas, Tas-Sliema u San Ġiljan.
Francis Zammit Dimech qal li f’tas-Sliema ġie msebbaħ kilometru u nofs ta’ promenade li anke tkabbar b’50 fil-mija ta’ dak li kien, biex in-nies ikollhom aktar spazju fejn jippassiġaw. F’San Ġiljan qed ikun immeljorat kilometru ieħor ta’ promenade. Hekk, darba dan il-promenade jitlesta minn kollox sa qabel is-sajf li ġej, ikun hemm żewġ kilometri u nofs ta’ promenade li matulhom ikunu jistgħu jsiru l-passiġġati. Il-quddiem dawn iż-żewġ promenades għad iridu jingħaqdu mal-promenade tax-Xatt tal-Gżira meta titlesta l-parti tal-Ponta ta’ Tigne tal-progett ta’ Manoel Island u Tigne’.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-tisbiħ ta’ dawn il-promenades kien qed jagħti dehra ġdida lill-pajjiżna u jgħolli l-prodott li noffru lis-settur turistiku. Hu qal li fl-ippjanar tal-proġetti li qed jitwettqu qed isir minn kollox biex ma jkun hemm xejn li jistona u għalhekk qed nidħlu fid-dettal biex kull parti tal-proġett tkun taqbel mhux biss mal-promenade ta’ San Ġiljan iżda anke ma’ dak ta’ Tas-Sliema biex ikun hemm dik il-kontinwita’ u konformita’ li kulħadd ikun jixtieq meta jkun qed jippassiġġja.
Francis Zammit Dimech fakkar li s’issa diġa kienu twettqu tliet fażijiet tal-proġett ta’ tisbiħ tal-promenade ta’ San Ġiljan. Hu qal li l-ewwel fażi kopriet il-parti tal-promenade minn ħdejn iċ-Chains sa’ quddiem Trejqet Grenfell filwaqt li t-tieni fażi kienet tikkonsisti f’tisbiħ tal-promenade sa ħdejn il-pitch tal-waterpolo tan-Neptunes. Hawnhekk sar xogħol strutturali estensiv sew fuq l-art kif ukoll fil-baħar biex twessgħet it-triq bejn iż-żewġ pitches. F’din il-fażi sar ukoll xogħol fuq wiċċ it-triq, servizzi ġodda u bankina ġdida n-naħa tar-residenti. It-tielet fażi kienet tkopri l-bini mill-ġdid tal-waterpolo pitch ta’ San Ġiljan.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fil-ġimgħat li ġejjin se tibda l-aħħar fażi tat-tisbiħ. Din tinkludi t-tisbiħ ta’ bejn il-waterpolo club tan-Neptunes u l-Barracuda. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li irid isir ukoll xogħol fuq il-wiċċ tat-triq u s-servizzi relatati sa fejn Pjazza Balluta. Hu qal li se jibdew ukoll ix-xogħlijiet fi Triq Wied Għomor u Triq Forrest u se jissuktaw il-preparamenti għax-xogħlijiet li jridu jsiru fi Pjazza Spinola u Triq San Ġorġ.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fil-proġett tat-tisbiħ tal-promenade ta’ tas-Sliema/San Ġiljan diġa sar investiment ta’ Lm1.7 miljun. Hu fakkar li ħafna mix-xogħol twettaq minn ħaddiema ta’ diversi sezzjonijiet tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura li fil-ħidma tagħhom urew professjonalita’ kbira.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li ried jieħu din l-okkażżjoni biex jinawgura s-sistema ta’ dwal dekorattivi tul il-promenade ta’ San Ġiljan. Hu qal li dawn kienu dwal b’differenza. Ma kienux il-soltu globi li faċli jiġu vandalizzati. Fl-istess waqt kienu dwal li jnaqqsu ħafna mit-tniġġiż mid-dawl – light pollution - li joħolqu skemi oħra ta’ dwal dekorattivi. Hu qal li kien fil-proġett tal-promenade ta’ tas-Sliema li ġew installati għall-ewwel darba dwal kontra light pollution u li issa qed isir l-istess fil-promenade ta’ San Ġiljan.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926