Proġett li qed jelimina 15 fil-mija tal-fosos
Waqt li kien qed izur xoghlijiet li saru fuq mina tad-drenagg fil-Qortin ta’ Ghajn Zejtuna fil-Mellieha, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li s-sistema tad-drenaġġ hi llum estiża għal kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Hu qal iżda li jibqa’ lokalitajiet żgħar fejn is-sistema ma tkunx tista’ tasal minħabba raġunijiet tekniċi. Waħda minn dawn il-lokalitajiet kienet il-Qortin ta’ Għajn Żejtuna fil-Mellieħa.
Francis Zammit Dimech qal li għal snin sħaħ ir-residenti ta’ din il-lokalita’ kienu moqdija b’fosos individwali li jitbattlu ta’ kull ġimgħa minn bowsers tal-privat u tal-Gvern. Dan joħloq inkonvenjent lir-residenti tal-lokalita’.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li tul is-snin ir-residenti ta’ l-inħawi għamlu kemm il-talba biex jitwasslilhom id-drenaġġ. Hu qal li kien f’dawn l-aħħar erba’ snin li l-Gvern laqa’ din it-talba. Francis Zammit Dimech qal li ma kienx faċli li dawn l-inħawi jitqabbdu mas-sistema tad-drenaġġ minħabba t-topografija ta’ l-art. Id-Dipartiment tad-Drenaġġ kellu quddiemu żewġ alternattivi
- L-ewwel alternattiva hi li permezz ta’ pompi d-drenaġġ jitwassal sa Triq il-Kbira fil-Mellieħa;
- It-tieni alternattiva hi permezz ta’ mina, li taqsam parti kbira mill-Qortin, u collector main li jwasslu kważi sat-Tunnara fil-parti t’isfel tal-bajja tal-Mellieħa.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li meta saru l-istimi nstab li t-tieni alternattiva kienet l-aktar waħda vantaġġjuża. Għalhekk id-Dipartiment tad-Drenaġġ ħadem fuq sistema maqsuma f’żewġ fażijiet bl-ewwel fażi tinkludi t-tħaffir ta’ mina twila 280m metru bit-tieni fażi tinkorpora parti żgħira minn Triq Newton, Triq G. Galilei u Triq J. Kepler li hi maħsuba li titkompla fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fl-ewwel fażi tal-proġett saru ħames shafts li minbarra li jservu għall-manutenzjoni ta’ l-istess mina, iservu wkoll biex is-sistema tal-wiċċ li magħhom jaqbdu d-djar taqa’ fuq il-main li hemm fil-mini. Hu qal li minn din il-mina kbira wiesgħa madwar żewġ metri u nofs b’2.75 metri għolja, id-drenaġġ jibqa’ għaddej għal ġo main ieħor twil 1.03 kilometri b’250 mm diametru li jaqsam il-Wied ta’ Santa Marija Estate u jwassal sat-Tunnara.
Francis Zammit Dimech qal li b’kollox f’dan il-proġett ġew imqiegħda tliet kilometri ta’ mains. Din il-fażi tlestiet u r-residenti ta’ parti minn Triq I. Newton, parti minn Triq Galilei, Triq Coperniċi, Triq W. Russell, Triq il-Qortin u Triq il-Birwina issa jistgħu jagħmlu arranġamenti biex iqabbdu mas-sistema tad-drenaġġ. Hu qal li baqa’ xi xogħol fi Triq Edmond Halley li mistenni jispiċċa x-xahar id-dieħel biex anke ir-residenti ta’ din it-triq ikunu jistgħu jqabbdu mas-sistema tad-drenaġġ.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett sewa madwar Lm150,000 u permezz tiegħu n-numru ta’ fosos – li jammonta għal 950 f’Malta kollha – se jonqsu bi 15 fil-mija.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li matul dawn l-aħħar erba’ snin tqiegħdu 216-il estensjoni tad-drenaġġ ma’ Malta u Għawdex b’tul ta’ 22 kilometru. Hu qal li fl-istess waqt id-Dipartiment tad-Drenaġġ kompla bil-pjani tiegħu li jtejjeb u jsaħħaħ il-Pumping Stations mhux biss billi jipprovdi l-aktar tagħmir modern iżda anke biex ikun hemm ġeneraturi f’każ ta’ qtugħ fis-sistema ta’ l-elettriku. Hu fakkar li fost il-Pumping Stations li komplew jiġu modernizzati u upgraded hemm dawk Tax-Xama f’San Pawl il-Baħar, f’Ta’ Qali, f’Buġibba u l-Qajjenza, b’Buġa.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li permezz tal-ħidma kontinwa li qed issir fis-sistema tad-drenaġġ l-ibħra madwar Malta u Għawdex qed jinżammu aktar indaf. Hu fakkar li din is-sena kienet l-aħjar sena għall-kwalita’ ta’ l-ilma baħar. Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tad-Drenaġġ għall-ħidma tagħhom biex is-sistema tad-drenaġġ tinżamm f’kundizzjoni tajba l-ħin kollu.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926