Se jinbena f’Għawdex impjant għat-tisfija tad-drenaġġ
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li s-Sezzjoni kontra t-Tniġġiż taż-Żejt fil-Baħar kienet responsabbli li tissalvagwardja l-baħar minn tniġġiż li jista’ jsir minn żjut u kimiċi. Hu kien qed jitkellem meta kien qed isegwi attivita’ ta’ tindif ta’ qiegh il-baħar filwaqt illi saret presentazzjoni lill-Ministeru ghal Għawdex ta’ tagħmir u materjal għal kontra t- tniġġiż tal-baħar.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li b’dan l-iskop din it-taqsima kienet tħarreġ ħaddiema minn diversi entitajiet sabiex dawn ikunu dejjem lesti biex jiġġieldu kull tniġġiż, bil-għan li l-portijiet u x-xtut taghna jinżammu ndaf. Hu qal li din it-taqsima kienet ukoll responsabbli mit-tħejjija ta’ pubblikazzjonjiet dwar taħriġ u miżuri ta’ prevenzjoni minn aġenziji privati u kumpanniji taż-żejt, flimkien ma’ l-Awtorita’ Marittima u r-REMPEC.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li t-Taqsima kontra t-Tniġġiż taż-Żejt fil-Baħar kellha għad-diżpozizzjoni tagħha tliet laneċ: l-MV Ambjent, l-MV Monka u l-MV Pupilla. Permezz ta’ dawn it-tliet opri tal-baħar it-taqsima setgħet tikkumbatti tniġġiż minn żjut fuq l-art u fil-baħar u setgħet tiġbor skart minn wiċċ il-baħar. L-MV Ambjent jintuża wkoll biex jinġabar iż-żejt billi d-debris-collecting hydraulic net tinbidel f’oleopholic disc skimmer.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul is-sena li għaddiet din it-taqsima interveniet 10 darbiet biex ġabret jew naddfet bajjiet li kienu mniġġsa minn żjut, fil-maġġoranza tal-każi minn sorsi mhux magħrufa.
Il-Ministru qal li l-ħidma ta’ din it-taqsima kienet tinfirex ukoll għal Għawdex fejn kien qed jingħata tagħmir li jiswa aktar minn Lm30,000 biex ikun hemm first aid initial response f’każ ta’ tniġġiż. Hu qal li għal dan l-iskop it-Taqsima kontra t-Tniġġiż taż-Żejt fil-Baħar kienet ħarrġet numru ta’ beach cleaners biex ikunu jistgħu jagħtu l-ewwel għajnuna f’każ ta’ tniġġiż.
Francis Zammit Dimech qal li l-bajjiet kienu jinżammu ndaf anke għaliex il-Gvern investa miljuni ta’ liri fis-sistema tad-drenaġġ, mhux biss biex din titwassal f’kull rokna tal-pajjiż u hekk jispiċċaw il-fosos, iżda anke billi jkun hemm għaddej kontinwament programm ta’ manutenzjoni bl-iskop li s-sistema tinżamm dejjem fi stat tajjeb.
Francis Zammit Dimech qal li l-pass li jmiss kien li issa jinbena impjant għar-riciklaġġ tad-drenaġġ f’Għawdex bl-iskop li d-drenaġġ kollu jissaffa qabel ma jintefa’ l-baħar. Hu qal li kellu l-pjaċir iħabbar li fil-programm ta’ fondi għal qabel is-sħubija fl-Unjoni Ewropea li ġew allokati għal Malta għas-sena d-dieħla, hemm maħsuba fondi għall-bini ta’ impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex. Dan l-impjant hu kkalkulat li jiswa Lm3.4 miljun (8.58 miljun Euro) li parti sostanzjali minnhom se jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din il-ħidma wasslet biex dan is-sajf il-bajjiet f’Għawdex kienu tajba għall-għawm dejjem u l-ħin kollu. Hu qal li ma kien ebda jum li, f’Għawdex wara li ttieħdu l-kampjuni, fil-baħar ġie pprojbit l-għawm.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-awgurju tiegħu kien li t-tagħmir li qed jingħata llum lill-Ministeru għal Għawdex, ma jintuża qatt. Iżda kien importanti li anke f’Għawdex ikun hemm it-tagħmir u l-materjal meħtieġ biex f’każ ta’ tniġġiż, tkun tista’ tingħata l-ewwel għajnuna u hekk ma tilħaqx issir ħsara.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926