‘Saħħaħna Pajjiżna…Biex INT Tgħix Aħjar’
Ħdimna biex illum qed ngħixu aħjar minn qatt qabel
L-inizzjattivi kollha li ħa l-Gvern Nazzjonalista f’dawn l-aħħar erba’ snin kellhom l-għan li kulħadd jikseb kwalita’ ta’ ħajja aħjar, tenna l-Prim Ministru, Eddie Fenecħ Adami, waqt l-ewwel minn sensiela ta’ konferenzi stampa dwar il-ħidma tal-Gvern f’dawn l-aħħar erba’ snin. Hu qal li kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak lokali, dan il-għan intlaħaq u kien hemm titjib dirett fil-ħajja ta’ kulħadd. "Il-fatti kollha juru li wettaqna titjib sinifikanti fl-oqsma importanti kollha li jolqtu lill-poplu ta’ Malta u l-interessi tiegħu," qal il-Prim Ministru.
Insaħħu l-Familja – il-Pedament tas-Soċjeta’ Maltija
Il-familji, li huma l-pedament tas-soċjeta’ Maltija, ġew imsaħħa b’inizzjattivi ewlenin li ħa l-Gvern fl-oqsma tas-saħħa, ta’ l-edukazzjoni, ta’ l-isport u rikreazzjoni, b’investimenti kontinwi kemm fir-riżorsi umani kif ukoll fl-infrastruttura.
Tkompla l-program ta’ social housing u ta’ tneħħija ta’ slums. F’dawn l-aħħar erba’ snin, l-Awtorita` tad-Djar ħarġet kwazi 900 unit għal bejgħ u s-sussidjat u nediet programm ta’ stallazzjoni ta’ lifts fid-djar tal-Gvern. Fis-sena li ġejja ser jinbnew maisonettes u appartamenti b’nefqa ta’ kważi Lm7 miljun.
Twaqqfu day-care centres għall-anzjani fl-Imtarfa, B’Kara, Bormla, Ħal Luqa w San Pawl il-Baħar. Fir-Residenza San Vincenz de Paule, inbena u nfetaħ is-Serenity Ward li ġie mgħammar bis-servizzi moderni kollha.
Fl-edukazzjoni, l-Gvern ikkommetta Lm60 miljun biex jinbnew skejjel ġodda u jsir xogħol fi skejjel eżistenti. Qed tingħata mportanza lit-tagħlim ta’ l-informatika u l-użu tal-kompjuters fl-iskejjel tal-gvern fil-livelli kollha. Fl-iskejjel primarji hemm komputer għal kull 7 studenti u laptop għal kull għalliem waqt li fi skejjel sekondarji, 95% ta’ l-istudenti għandhom aċċess għall-Internet.
L-isptar l-ġdid, li ser jibda jagħti l-ewwel servizzi s-sena d-dieħla, huwa riflessjoni ta’ kemm dan il-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ is-servizzi li jingħata l-poplu.
Opportunitajiet ta’ xogħol għal Kulħadd
Saret ħidma sabiex anki f’dawn iż-żminijiet ta’ bidla jkompli jiżdied ix-xogħol u f’dawn l-aħħar erba’ snin madwar 5,000 persuna sabu xogħol ġdid b’riżultat ta’ 185 proġett tal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvillup. Dawn il-proġetti raw investiment totali li jlaħħaq madwar Lm80 miljun. Fl-istess waqt, il-qagħad niżel b’xi 800 ruħ.
Biex inħejju n-nies għad-dinja tax-xogħol, inħoloq il-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti, Xjenza u Teknoloġija li jipprovdi ’l fuq minn disgħin kors differenti. Fil-Kulleġġ hemm jistudjaw madwar 1,600 student u studenta. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) żiedet it-taħriġ għal min ikun qed ifittex impjieg jew irid itejjeb ix-xogħol tiegħu.
Fir-Rotta lejn il-Prosperita’
Il-kwistjoni ta’ l-iżbilanċ, u l-implikazzjoni li dan għandu fuq il-prosperita’ tal-pajjiż kien ħasseb lil ħafna. Il-Gvern ħadem biex iserraħ moħħ il-familji Maltin dwar il-futur. Erba’ snin ilu l-iżbilanc kien ilaħħaq 12% tal-Prodott Gross Domestiku. Sa l-aħħar tas-sena 2002, ser naraw aktar progress u dan ser ikun niżel għal madwar 4.6% tal Prodott Gross Domestiku. Dan ifisser li, issa, wieħed jista’ jibda jħares ’il quddiem għal iktar prosperita’.
Serjeta’ fl-Amministrazzjoni
Il-Gvern ħadem biex il-Pulizija tħarrax il-ġlieda kontra l-kriminalita’ u kabbar in-nefqa f’din il-ġlieda. Il-Gvern iqis li d-droga hija l-akbar għadu tal-familja tagħna. Qed jinkisbu riżultati inkoraġġanti fil-ġlieda kontinwa kontra d-droga.
Kull belt jew raħal illum qed igawdu minn sens akbar ta’ identita’ partikulari tagħhom. Dan seħħ billi responsabbilitajiet ġodda, mingħand il-Gvern Ċentrali għaddew għand il-Kunsilli Lokali. B’hekk id-deċiżjonijiet li jaffetwaw in-nies fil-ħajja ta’ kuljum qed jittieħdu fil-lokal stess.
Illum is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni saru parti integrali mill-ħajja moderna. Familji Maltin, jistgħu jkunu f’kuntatt ma’ xulxin kullimkien u f’kull ħin. Illum hemm 250,000 telephone ċellulari f’Malta.
Ambjent u Kampanja
Irridu u qegħdin nindirrizzaw il-problemi li writna. Il-problema tal-Magħtab qed tiġi attakkata bit-twettiq tal-Waste Management Plan li jaħseb sabiex f’Malta jkollna sistema li tlaħħaq ma’ l-ammont ta’ skart li nipproduċu.
Fl-istess waqt qegħdin jiġu mħarsa r-riżorsi tal-kampanja u tal-baħar. Il-biedja u s-sajd għandhom ikunu mħarsa għax jifformaw parti integrali mill-ħajja Maltija u dawk involuti f’dawn is-setturi jafu li l-Gvern qed jassigura li jkollna biedja u sajd sostenibbli. Tant hu hekk, li fin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea akkwistajna d-dritt li nkomplu mmexxu għal żmien indefinit żona ta’ sajd ta’ ħamsa u għoxrin mil madwar Malta bil-għan li tibqa’ sseħħ il-konservazzjoni tal-kwantita’ ta’ ħut fl-ibħra Maltin. Dan il-ftehim barra li jħares lil ħut, iħares l-għejxien tas-sajjieda Maltin. Il-bdiewa qed igawdu minn titjib li qed isir f’toroq rurali waqt li s-sajjieda qed jibbenefikaw minn slipways mgħammra aħjar.
Toroq u Komunikazzjoni
Kulħadd qed jara t-twettiq ta’ programm sħiħ ta’ titjib f’dan il-qasam, bil-ftuħ ta’ toroq ġodda, u titjib f’dawk eżistenti. Matul l-erba’ snin li għaddew, il-Gvern nefaq Lm30 miljun fuq it-toroq - sar xogħol fuq għoxrin triq arterjali u fuq aktar minn 300 triq residenzjali
Proġetti Ewlenin
Numru ta’ lokalitajiet raw titjib fl-ambjent b’rizultat ta’ proġetti ta’ tisbiħ. Dan diġa’ seħħ f’ Tas Sliema, f’San Ġiljan, f’Birżebbuġa u f’Wied il-Għajn. Il-Gvern inkoraġġixxa numru ta’ proġetti kbar b’involviment ta’ investiment qawwi mis-settur privat. Ta’ min isemmi l-proġett tal-Kottonera u l-proġett tal-Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne` u l-Valletta Cruise Harbour Terminal li bejniethom qed jinvestu madwar Lm160 miljun.
Għawdex
Saret ħidma kbira fl-oqsma kollha li jolqtu direttament lill-ħajja ta’ l-Għawdxin – l-edukazzjoni, is-saħħa, ix-xogħol, it-turiżmu, il-kultura w l-isport. Forsi l-aktar ħaġa li tispikka fost ix-xogħol li sar b’konnessjoni m’Għawdex, huwa l-bini tat-tliet vapuri ġodda tal-Gozo Channel. Permezz tagħhom, il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex qed isir fl-akbar kumdita` u fl-iqsar żmien. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-mollijiet il-godda għal dawn il-vapuri fiċ-Ċirkewwa. Dawn ser jgħinu sabiex Għawdex ikun aċċessibbli matul is-sena kollħa.
Il-Futur
Il-Prim Minstru qal "Aħna lkoll nixtiequ li nkomplu nimxu ’l quddiem. Għamilna differenza, kbira u reali, fl-oqsma kollha li jaffettwaw il-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu ta’ dan il-Pajjiż m’hux biss għal-lum imma anki għall-futur," ikkonkluda l-Prim Ministru.
Rapporti dwar il-Ministeri -Rapporti dettaljati dwar il-ħidma ta’ kull Ministeru fir-raba’ sena ta’ dan il-Gvern, 2001/2002, ser ikunu fuq l-internet fuq www.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926