IDENTIFIKAZZJONI ĠENETIKA FUQ IL-BAQRA MALTIJA
Bl-inizjattiva tat-Taqsima ta’ l-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd ittieħdu kampjuni tad-demm kif ukoll xi ċelloli mill-unika baqra pura tar-razza Maltija li għadha teżisti fi gżiritina biex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni ġenetika tagħha permezz ta’ testijiet tad-DNA.
L-eżerċizzju qed issir b’kollaborazzjoni bejn Synergene Technologies Ltd, id-Dipartiment ta’ l-Agrikultura u d-Dipartiment ta’ l-Anatomija ta’ l-Università ta’ Malta.
Dan sar magħruf waqt żjara li l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit għamel dalgħodu fil-laboratorji tal-kumpannija Synergene Technologies Ltd f’Ħ’Attard. Din il-kumpannija, li twaqqfet riċentement f’Malta, tispeċjalizza fir-riċerka u dijanjosi molekulari.
Il-Ministru Zammit qal li l-unika baqra Maltija mija fil-mija pura qed tixjieħ peress li għandha ma’ l-14-il sena u għaldaqstant, meta bdiet topera din il-kumpannija f’Malta, mill-ewwel ittieħdet l-inizjattiva li jkun priservat il-materjal ġenetiku pur li fadal fir-razza Maltija. Minn din il-baqra ttieħdu kampjuni tad-demm biex jintużaw f’testijiet tad-DNA kif ukoll ċelluli li ġew multiplikati u priservati barra minn Malta. Dawn iċ-ċelloli jistgħu jintużaw fil-futur.
Hu qal ukoll li fil-frattemp, it-Taqsima ta’ l-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali tinsab f’kuntatti ma’ awtoritajiet f’pajjiżi oħra, fosthom f’Ċipru, fi Kreta, fl-Eġittu u fi Sqallija bl-iskop li jsiru testijiet tad-DNA fuq il-merħliet tagħhom ħalli jaraw jeżistix xi xebħ mar-razza Maltija.
Il-Ministru Zammit semma wkoll li, permezz ta’ Synergene Technologies Ltd, se jsiru testijiet tad-DNA fuq iż-żewġ varjetajiet lokali ta’ l-għeneb, il-Girgentina u l-Ġellewża.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926