Kwalita’ aħjar tal-baħar fejn ngħumu
Meta għalaq attività għal ibħra aktar indaf li saret f’San Ġiljan, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li minkejja li l-istaġun tas-sajf għadu m’għaddiex, jidhirlu li l-eqqel ta’ l-istaġun kien għadda u li jista’ mingħajr dubju ta’ xejn jgħid li dan kien l-aħjar sajf għall-kwalità ta’ l-ilma baħar fejn ngħumu.
Francis Zammit Dimech fakkar li l-Environment Health Branch fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa Pubblika għal 23 ġimgħa, bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju u t-tielet ġimgħa ta’ Ottubru, jieħu kampjuni minn 87 lokalità fejn isir l-għawm. Hu qal li dawn il-kampjuni jittieħdu kull ġimgħa u jkunu ittestjati għal faecal coliform. Il-kampjuni jiġu kklassifikati taħt il-Barcelona Convention Interim Criteria (BCIC) u taħt id-Direttiva rilevanti ta’ l-Unjoni Ewropea. Kien hemm biss seba’ site days fejn il-baħar minn fejn ittieħdu l-kampjuni ma kienx tajjeb għall-għawm. Hu fakkar li s-site days jirrapreżentaw in-numru ta’ siti minn fejn jittieħdu l-kampjuni mmultiplikati bin-numru ta’ ġranet li matulhom il-għawm ma kienx rakkomandat b’mod temporanju.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan ir-riżultat kien l-aħjar li qatt ksibna, aktar u aktar meta wieħed iqis li fl-1994 kien hemm 964 site days li matulhom il-għawm ma kienx rakkomandat temporanjament. Fl-aħħar tliet snin in-numru ta’ site days kienu ta’ 74 fl-1999, 59 fl-2000 u 56 fl-2001.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-titjib fil-bajjiet tagħna ma ġiex mill-ajru iżda kien ir-riżultat ta’ ħidma mill-Gvern biex itejjeb is-sistema tad-drenaġġ. Huwa fakkar meta anke fl-inħawi ta’ tas-Sliema u San Ġiljan sa ftit tas-snin ilu l-baħar aktar ma kienx ikun tajjeb għall-għawm milli tajjeb. Dan għaliex is-sistema tad-drenaġġ kienet fi stat ħażin u għalhekk ma kenitx tiflaħ għal pressjoni kollha li kellha fuqha bir-riżultat li ħafna mid-drenaġġ kien jisbokka fil-baħar.
Fakkar ukoll li wara l-1987, bdiet ħidma kbira biex is-sistema tad-drenaġġ titqiegħed fuq bażi soda. Tfassal Master Plan bl-iskop li tinstab soluzzjoni għat-tul. Fis-snin ta’ bejn l-1987 u l-1996 kienu saru 170 kilometru ta’ estensjonijiet tad-drenaġġ u fuq il-50 kilometru ta’ tqegħid ta’ mains ġodda jew bdil ta’ mains ewlenin. Hu qal li fost dawn ix-xogħlijiet importanti u prinċipali kien sar tqegħid ta’ mains bejn il-Balluta u t-Torri f’tas-Sliema. F’San Ġiljan ġew riabilitati l-mini eżistenti u nbidlu l-mains li għaddejjin minnhom. Fakkar ukoll illi saru tliet kilometri ta’ estensjonijiet f’Victoria Gardens f’ta’ l-Ibraġ. Issaħħet ukoll is-sistema tad-drenaġġ f’St. Andrew’s fl-inħawi tas-Swieqi bit-tqegħid ta’ main ġdid.
Francis Zammit Dimech qal li għalkemm illum ninsew it-titjib li sar fis-sistema tad-drenaġġ f’dawn l-aħħar 10 snin, irridu nifhmu li kien permezz ta’ dan it-titjib li llum nistgħu ngawdu dawn il-bajjiet u ngħumu fihom mingħajr biża’. Il-Ministru Zammit Dimech qal li permezz tad-Dipartiment tad-Drenaġġ illum qed issir manutenzjoni kontinwa tas-sistema u fejn ikun hemm ħsarat dawn qed jissewwew fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar ukoll li fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien hemm ukoll taqsima biex tiġġieled it-tniġġiż fl-ibħra Maltin. Hu qal li din it-taqsima, li torganizza wkoll dawn il-kampanji biex jitnaddfu l-bajjiet minn dak li jintefa’ fihom minn nies irresponsabbli, kienet responsabbli biex tnaddaf żjut li jintefgħu fil-baħar u minn skart li jidħol f’wiċċ il-bajjiet. Qal li mingħajr il-ħidma ta’ din it-taqsima, wiċċ l-ibħra ma kienx ikun nadif u ma kienx ikun possibbli li ngħumu f’baħar ikħal u mingħajr tniġġiż.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura appella lil kulħadd biex ma jitfa’ xejn fil-baħar u jżommu nadif kif inżommu djarna. Francis Zammit Dimech irringrazzja ukoll lil dawk kollha li jagħtu sehemhom biex dawn il-kampanji għal ibħra aktar indaf jirnexxu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN