Skejjel moderni li jħeġġu t-tagħlim
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea ħabbar li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi laħqet ftehim mal-Bank APS Bank Ltd., biex tkun tista tikseb fondi li għandha bżonn biex twettaq il-programm aċċellerat ta' bini, estensjonijiet, immodernizzar u manutenzjoni ta' l-iskejjel ta' l-istat. Il-Ministru qal li b'dan il-ftehim il-Fondazzjoni ser tkun tista tinvesti fl-iskejjel tal-Gvern sa Lm 7 miljun lira fis-sena għat-tmien snin li ġejjin.
Il-fatt li issa l-Fondazzjoni se tkun tista tissellef l-ammont ta' flus li għandha bżonn ifisser li l-programm ta' tiġdid fis-skejjel kollha tal-Gvern u l-bini ta' l-iskejjel ġodda meħtieġa ser ikun jista jitwettaq fiż-żmien proġettat ta' tmien snin. Dan hu l-akbar investiment li xi Gvern qatt għamel fl-iskejjel ta' l-Istat.
Il-Ministru qal dan waqt żjara li għamel fil-Liċeo tas-subien San Ġużepp li jinsab Kordin u l-iskola primarja Hookham Frere tal-Pieta'. Il-Liċeo San Ġużepp jinsab f'Kumpless kbir li bħalissa qed jintuża wkoll mill-MCAST. L-iskola infetħet fis-sittinijiet u meta kienet inawgurata kienet waħda mill-aqwa skejjel. Minn dak iż-żmien l-iskola intużat bħala Junior Craft Centre u aktar tard bħala skola tas-snajja u fl-1990 infetħet bħala Liċeo. L-Iskola Primarja tal-Pieta' tinsab fil-grounds ta' l-Isptar San Luqa u tiflaħ madwar 250 student. Il-parti l-kbira ta' l-istudenti ta' din l-iskola jiġu mill-Creche ta' l-Ursolini kif ukoll numru ta' tfal ta' refuġġjati.
Fil-Liċeo San Ġużepp qed isir xogħol stutturali biex tinbena sub-station ġdida kif ukoll biex inbnew numru ta' kmamar ġodda li se jintużaw bħala klassijiet kif ukoll għall-amministrazzjoni. Sar ukoll xogħol biex il-faċilitajiet sanitarji ta' l-iskola jinbidlu u jsiru aċċessibli għal persuni b'diżabilita'. Xogħol ieħor hu dak ta' finitura fl-iskola kollha, dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu tikħil u tibjid b'kuluri attraenti.
Fl-iskola Primarja tal-Pieta saru xogħlijiet estensivi li jinkludu xogħlijiet ta' aluminjum fl-iskola kollha kif ukoll il-bdil u l-irranġar tal-madum fejn kien hemm bżonn il-madum inbidel u fejn il-madum kien għadu tajjeb intorok u ġie illustrat. F'din l-iskola wkoll sar xogħol ta' tikħil u tibjid b'kuluri vivaċi fl-iskola kollha.
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada wettqet programm estensiv dan is-sajf. Il-Fondazzjoni wettqet programm ta' tibjid u tisbieħ f'aktar minn 40 skola, xogħlijiet strutturali f'numru ta' skejjel li kienu jinkludu tibdil ta' soqfa, estensjonijiet, bini ta' lifts u torġien, kif ukoll xogħlijiet estensivi fuq l-iskola Sir Adrian Dingli ta' Pembroke, tal-Gżira, tas-Siġġiewi u ta' Wied il-Għajn. Il-Fondazzjoni qed taħdem ukoll biex f'qasir żmien tinbena skola sekondarja ġdida fil-Karwija li magħha se jkun hemm kumpless sportiv ġdid.
Il-parti l-kbira tax-xogħlijiet se jkunu lesti sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss għalkemm se jkun hemm xi xogħlijiet f'xi skejjel li se jkomplu matul is-sena skolastika. Fejn ikun qed isir dan ix-xogħol id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tagħmel l-arranġamenti u tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex it-tfal ikunu jistgħu ikomplu l-edukazzjoni tagħhom bla xkiel u periklu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN