1132 student diġÀ ibbenefikaw mill-programmi ta' l-Unjoni Ewropea
Waqt l-għeluq tal-konferenza bit-tema "Politika għaż-Żgħażagħ - il-Perspettiva tal-Pajjiżi ż-Żgħar" (Youth Policy - Small States' Perspective) il-Ministru ta' l-Edukazzjoni qal li ż-żgħażagħ illum għandhom ħafna opportunitajiet quddiemhom u li l-kapaċita' taż-żgħażagħ Maltin għandha twassal biex dawn l-opportunitajiet jiġu msarrfa f'ġid għalihom u għall-pajjiż kollhu.
Il-Ministru tkellem dwar il-prioritajiet li qed jitpoġġew quddiem iż-żgħażagħ Ewropej permezz tal-whitepaper li nieda l-Kunsill Ewropew. It-tkabbir li se jsir fl-UE se jżid l-ammont ta' żgħażagħ fl-UE b'aktar minn 75 miljun ruh. Minħabba id-diversita' fil-policies għaż-żgħażagħ fil-pajjiżi membri kif ukoll minħabba s-suċċess straordinarju li qed ikollhom il-programmi edukattivi ta' l-UE, il-Kunsill tal-Ministri taż-żgħażagħ ħassew il-bżonn li jkun hemm whitepaper dwar il-Politika għaż-Żgħażagħ. Il-prioritajiet li qed jiġu identifikati huma l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, il-mobilita', ix-xogħol u l-impjiegi, l-integrazzjoni soċjali u l-ħidma kontra r-razziżmu u l-xenofobija.
Il-Ministru qal li dawn huma prioritajiet li l-Gvern Malti jagħraf u li dejjem ħadem biex f'pajjiżna jagħti lil dawn l-oqsma l-importanza li jeħtieġu.
Il-Ministru qal li l-edukazzjoni dejjem kienet u tibqa waħda mill-ogħla prioritajiet tal-Gvern Malti. Dan għaliex f'pajjiżna investiment fir-rizors uman hu investiment li jiġġenera l-aktar ġid. Il-Ministru qal li l-investiment fl-edukazzjoni illum ilaħħaq id-90 miljun lira u hemm numru ta' programmi li jassiguraw li l-edukazzjoni li noffru tkun ta' kwalita’ u li jkollu aċċess għaliha kulħadd.
Dwar it-tagħlim tul il-ħajja, il-Ministru Louis Galea qal li diġa bdejna ndaħħlu dan il-kunċett fid-diversi istituzzjonijiet edukattivi. Bħalissa qed issir evalwazzjoni tajba ta' dak li hemm biex isir pjan strateġiku li jwassal biex f'pajjiżna jkollna sistema edukattiv li toffri kull opportunita' biex inkomplu t-tagħlim. Il-Ministru qal li fis-sajf tal-2001 sar proċess konsultattiv nazzjonali u tlesta u tqassam rapport li jiġbor fiħ l-opinjonijiiet ta’ kategoriji differenti ta’ stakeholders. Dan id-dokument intbgħat lill-Kummissjoni Ewropeja u beda x-xogħol fuq it-tieni fażi - dak illi titħejja politika nazzjonali u pjan strateġiku għat-twettiq ta’ edukazzjoni tul il-ħajja. Għal dan l-iskop inħatar kumitat apposta.
Dwar ix-xogħol u l-impjiegi il-Ministru qal li l-ekonomija ta' pajjiżna hi waħda li qed tiffaċċja sfidi kbar li jinvolvu r-ristrutturar ta' ċerta oqsma u l-iżvilupp ta' oħrajn ġodda. Il-Ministru tenna li ż-żgħażagħ iridu ikunu huma minn ta' l-ewwel li jgħarfu li qed ngħixu f'dinja li filwaqt li toffri opportunitajiet kbar ma tħallix spazju għal dawk li ma jridux ikomplu jitħarrġu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
Ma’ dan, qal il-Ministru, irridu ngħarrfu wkoll li l-postijiet tax-xogħol li jirrikjedu livell bażiku ta' edukazzjoni qed tiżdied u għalhekk dawk li ma jiksbux livelli bażiċi qed isibuha dejjem aktar diffiċli li jsibu impjieg. Il-Ministru qal li għalhekk il-Gvern qed joħloq programmi u opportunitajiet ġodda biex joffri kull opportunita' li wieħed jikseb dan il-livell bażiku kif ukoll qed joffri diversi opportunitajiet biex wieħed ikompli jitħarreġ jew saħansitra jibdel il-linja tal-kompetenzi tiegħu.
Bħala eżempju, l-Ministru semma l-programmi Ħilti u Id f'Id li qed jagħtu l-appoġġ meħtieġ kemm jista jkun kmieni biex kull min jgħaddi mis-sistema edukattiv jikseb livelli bażiċi ta' edukazzjoni, semma wkoll l-MCAST li ġie żviluppat b'mod li jagħti opportunitajiet anke lil dawk li ma jkunux kisbu kwalifiki kif ukoll qed joffri korsijiet part-time għal dawk li jkunu qed jaħdmu u jixtiequ aktar taħriġ.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza ta' l-Integrazzjoni Soċjali jiġifieri li kulħadd ikun inkluż fis-soċjeta u li ħadd ma jitħalla fil-marġini. Il-Ministru qal li fil-ħidma tiegħu dejjem sab li ikun hemm min ikun qed jitwarrab u hekk kif is-soċjeta' tinbidel insibu gruppi ġodda ta' nies li jibdew jieħdu l-ġenb. Eżempju ċar li qed ngħixu fih illum hi l-era diġitali li jekk ma nilqgħux għaliha tħalli lill-ħafna nies barra. Il-Gvern jemmen li ħadd ma għandu jkun emarġinat u qed jilleġiżla u jwettaq programmi u inizjattivi għal dan l-iskop fost oħrajn semma l-inizjattivi fl-edukazzjoni li jinkludu l-edukazzjoni inklussiva u l-aċċessibilita fl-iskejjel; policies dwar l-abbuż tat-tfal, l-ibbuljar u l-abbuż minn sustanzi perikolużi; l-edukazzjoni għall-adulti; u saħansitra l-internet fl-iskejjel biex kulħadd ikun parti mir-revoluzzjoni diġitali li qed isseħħ.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-mobilita' u l-ħidma kontra r-razziżmu u l-xenofobija. Il-Ministru qal li l-aħjar mod kif jingħelbu l-prjudizzji u l-mibeda bejn il-popli hi li wieħed jiltaqa ma nies minn kulturi differenti u jesperjeza l-kultura tagħhom. Il-Ministru qal li l-UE inħolqot b'dan l-iskop, li l-pajjiżi Ewropej jingħaqdu u filwaqt li jieqaf il-ġlied bejn il-popli Ewropej jitgħallmu minn xulxin biex itejjbu ħajjithom ilkoll. Il-programmi edukattivi ta' l-UE huma maħsuba biex filwaqt li jtejbu l-għarfien dwar kulturi differenti, jagħtu valur miżjud fl-esperjenza edukattiva. Il-Ministru qal li sa minn meta Malta bdiet tipparteċipa fil-programmi ta' l-UE bħala pajjiż applikant aktar minn 1100 żgħażugħ u żgħażugħa ibbenefikaw b'mod dirett minn dawn il-programmi. Madankollu, qal Louis Galea, il-benefiċċji mhumiex biss għal dawk iż-żgħażagħ li jipparteċipaw iżda għall-pajjiz kollhu.
Il-Ministru temm jgħid li ż-żgħażagħ huma element importanti ta' kull diskussjoni li issir u għalhekk jieħu gost jara liż-żgħażagħ jieħdu sehem attiv f'diskussjonijiet kemm fuq skala nazzjonali u wisq aktar fuq skala internazzjonali u juru li huma kapaċi jilqgħu għal kull sfida li jsibu quddiemhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN