Esportazzjoni ta’ patata mkabbra f’Malta
Bħal ma ntqal f’bosta okkażjonijiet, il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd, konvint mill-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin u biex fuq kollox jissodisfa x-xewqa ta’ bosta li jkabbru l-patata għas-safar beda ħidma biex isir tibdil fl-immaniġġjar ta’ l-esportazzjoni tal-patata.
Għal dan l-iskop, is-sena li għaddiet kien miftiehem biex il-kuntratt rivedut jinkludi l-possibbiltà li jkunu msiefra 500 tunnellata patata extra lejn destinazzjonijet barra l-Olanda. Dan qiegħed isir bi prova bi tħejjija għal meta jkun liberalizzat dan in-negozju wara s-sena 2003.
Għaldaqstant, Organizzazzjonijiet tal-Produtturi, Għaqdiet tal-Bdiewa u esportaturi prospettivi interessati huma mistiedna jwasslu l-intenzjonijiet tagħhom lil Agricultural Export Marketing Board u jissottomettu programm serju ta’ kif bi ħsiebhom jidħlu għal dan ix-xogħol. Dan għandhom jagħmluh sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 17 ta’ Settembru 2002.
Il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd lest jagħti l-għajnuna meħtieġa biex din il-bidla sseħħ mingħajr intoppi u tkun prinċipalment ta’ fejda u prosperità għall-bdiewa lokali fil-futur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN