Xogħlijiet avvanzati fl-iskejjel tal-Gvern
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-iskejjel primarji ta' Wied il-Għajn u tal-Gżira fejn qed isiru xogħlijiet ta' kostrużżjoni. F'dawn iż-żewġ skejjel ix-xogħol għaddej b'ritmu mgħaġġel u mistennija jkunu lesti qabel ma' tibda l-iskola f'Settembru li ġej.
Fl-iskola ta' Wied il-Għajn qed isir proġett li jinkludi l-bini ta' numru ta' klassijiet biex jilqgħu fihom il-popolazzjoni dejjem tikber ta' tfal f'din il-lokalità, kif ukoll xogħol ta' tibjid fl-iskola kollha biex l-ambjent fil-klassijiet jisbieħ. Il-proġett fl-iskola ta' Wied il-Għajn kellu jitlesta sa Jannar 2003 iżda bil-ħila tal-ħaddiema tal-Kalaxlokk li qed jaħdmu fuq dan il-proġett u l-Project Management tal-Fondazzjoni, ix-xogħlijiet se jkunu lesti f'Ottubru li ġej, tlett xhur qabel iż-żmien. Il-proġett fl-iskola ta' Wied il-Għajn se jfisser investiment f'din l-iskola ta' madwar Lm 100,000.
L-iskola Primarja ta' Wied il-Għajn inbniet bejn l-1965 u l-1969 u aktar reċentement infetħet wing oħra fl-istess skola. Il-popolazzjoni ta' l-iskola bħalissa tqarreb il-500 tifel u tifla li jinkludu numru ta' tfal minn pajjiżi differenti jew b'ġenituri barranin.
Waqt iż-żjara li għamel f'din l-iskola, il-Ministru Louis Galea qal li permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, il-Gvern qed iwettaq programm aċellerat ta' bini, estenzjonijiet u manutenzjoni fl-iskejjel li ser ikun ta' fejda kbira għas-snin li ġejjin. Il-Ministru qal li madankollu dan il-proġett hu wieħed li jindirizza l-bżonnijiet immedjati biss ta' din il-lokalità, u li sadanittant il-Fondazzjoni qed tagħmel audit tal-bżonnijiet ta' din il-lokalità biex jiġi deċiż x'għandu jsir għal soluzzjoni fit-tul.
Il-Ministru żar ukoll l-iskola primarja tal-Gżira fejn saru xogħlijiet urġenti ħafna fuq is-soqfa ta' din l-iskola. Il-Fondazzjoni kienet għamlet testijiet fuq is-saqaf u sabet li kienu perikolużi u li kien hemm bżonn li jinbidlu minnufih. Hekk kif spiċċat l-iskola f'Ġunju, bdew jiżżarmaw is-soqfa ta' 18-il klassi li hemm fis-sular ta' fuq u l-kuruduri li hemm madwarhom u sar ix-xogħol meħtieġ biex jitqeghdu l-planki. Dan ix-xogħol issa kważi tlesta u beda x-xogħol fuq l-elettriku u l-finishing, biex l-iskola tkun tista’ tiftaħ b'mod normali f'Settembru li ġej. Matul ix-xitwa, il-Fondazzjoni se tkompli għaddejja bix-xogħol ta' tibjid klassi klassi, biex l-iskola kollha tiġi msebbħa.
Fl-iskola tal-Gżira, il-Fondazzjoni se twettaq ukoll proġett biex l-iskola kollha tkun aċċessibli għall-persuni b'diżabilità. Dan il-proġett se jinkludi l-installar ta' lift u l-bdil tal-madum ta' l-art f'partijiet ta' l-iskola; b'hekk l-iskola tal-Gżira tkun waħda mill-ewwel skejjel li se tkun kompletament aċċessibli. Il-proġett kollu fl-iskola primarja tal-Gżira se jqum madwar Lm 80,000.
L-iskola primarja tal-Gżira nbniet madwar ħamsin sena ilu u oriġinarjament il-kumpless ta' l-iskola kien maqsum f'żewġ blokki wieħed għas-subien u l-ieħor għall-bniet. Il-parti li qabel kienet tintuża għas-subien issa qed tintuża bħala skola sekondarja u l-iskola primarja issa tinsab fil-parti li kienet tal-bniet. Fl-1996, l-iskola primarja A u B tal-Gżira ingħaqdu fi skola waħda.
Il-Ministru qal li fl-iskejjel ta' Wied il-Għajn u tal-Gżira qed naraw bidliet demografiċi opposti li jeħtieġu bidliet fl-istrutturi ta' l-iskejjel. Il-Ministru qal li filwaqt li fil-Gżira l-popolazzjoni tat-tfal ta' età żgħira qiegħda dejjem tonqos, f'Wied il-Għajn din qed tiżdied u għalhekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni issegwi dawn il-bidliet, u tippjana u tagħmel minn kollox biex it-tfal isibu post fl-iskejjel ta' l-istat. Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li fil-kumpless tal-Gżira hemm maħsub li jsir ukoll proġett fl-iskola sekondarja. Fl-iskola sekondarja tal-Gżira se ssir estenzjoni ta' l-iskola b'investiment sostanzjali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN