Left arrow Go Back

Lm7.3 miljun f’għajnuna għat-tisħiħ tas-settur tad-dwieli f’pajjiżna

PR1130
Date Icon 21/08/2002

Il-Gvern approva madwar Lm7.3 miljun f’għajnuna fuq perijodu ta’ 14-il sena favur it-tisħiħ tas-settur tad-dwieli u l-produzzjoni ta’ l-inbid f’pajjiżna. L-iskop ta’ din l-għajnuna hu li tiżdied il-vitikultura ħalli l-ħtiġijiet ta’ l-industrija lokali tal-produzzjoni ta’ l-inbid ikunu jistgħu jintlaħqu mill-produzzjoni lokali tal-għeneb.

Dan qalu l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit meta żar il-vinja tal-Marsovin f’Għajn Rihana, Burmarrad, fejn segwa mill-qrib il-qtugħ tal-għeneb għall-għasir.

Il-Ministru Zammit irrifera għall-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja li ħabbar riċentement bl-iskop li tkompli tingħata spinta lit-tkabbir tad-dwieli u titjieb il-kwalità ta’ l-inbid li nipproduċu f’pajjiżna b’mod li dan jikkompeti sew ma’ nbejjed ta’ barra.

Hu enfasizza li l-iskop wara l-programm ta’ għajnuna hu li titnaqqas gradwalment id-dipendenza fuq għeneb impurtat billi jiżdied it-tkabbir tad-dwieli ta’ varjetajiet preġjati mill-bdiewa Maltin. Hu fakkar li fil-preżent ir-raba’ bid-dwieli jlaħħaq għal madwar 320 ettaru (2,860 tomna ) u qal li l-mira tal-Ministeru hi li dan jiżdied gradwalment għal madwar 1,000 ettaru (8,960 tomna) fis-sena 2014.

Hu qal li diġà kien hemm rispons tajjeb għal dawn l-iskemi tant li diġà daħlu numru ta’ applikazzjonijiet għand it-Taqsima tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali. Taħt l-iskema għal għajnuna permanenti ta’ Lm45 kull tomna fis-sena daħlu 42 applikazzjoni, filwaqt li daħlu 32 applikazzjoni taħt l-iskema ta’ produzzjoni ta’ għeneb li hi ta’ Lm450 kull tomna.

Il-Ministru Zammit qal li minbarra dawn iż-żewġ skemi, tfasslet skema oħra magħrufa bħala Agriplus, fejn saru arranġamenti ma’ l-APS Bank biex il-Gvern iħallas l-interessi kollha fuq self sa Lm12,000 li dawk li jkabbru d-dwieli jistgħu jagħmlu għall-iżvilupp tal-vinji.

Żied li l-għajnuna finanzjarja approvata mill-Gvern tinkludi wkoll madwar Lm1.5 miljun li se jingħataw lill-għassara u produtturi ta’ l-inbid biex jagħmlu tajjeb għat-tneħħija tal-protezzjoni.

Hu irrifera wkoll għall-proġett ta’ ġemelaġġ dwar il-vitikultura li qed isir ma’ l-Italja, bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal li l-Italja se tibgħat konsulent għal perijodu ta’ sena minn Ottubru li ġej biex jagħti l-pariri meħtieġa dwar l-iżvilupp tal-vitikultura f’pajjiżna. Barra minn hekk, bħala parti mill-istess proġett, se jintbagħtu diversi esperti oħra dwar materji speċifiċi, fosthom l-analiżi tad-DNA fil-varjetajiet lokali, l-irrigazzjoni, l-ilma li jeħtieġu d-dwieli, metodi modern ta’ tkabbir, u l-użu ta’ fertilizzanti u pestiċidi.

Il-Ministru għall-Agrikultura u Sajd semma wkoll li qed jitfasslu u mistennija jidħlu fis-seħħ sa tmiem din is-sena regolamenti ġodda dwar l-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjun speċifiku jew aħjar dawk ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata (DOK) u regolamenti dwar il-labelling u d-definizzjonijiet tal-prodotti li ġejjin mill-għenba.

Il-Ministru Zammit assigura li, filwaqt li l-Gvern qed ikompli jinnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea l-aħjar kundizzjoni għal dan is-settur, se jkompli jaħdem ukoll ħalli jonqsu diffikultajiet li jistgħu jeżistu fil-ħruġ tal-permessi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ vinji ġodda.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow