IS-SIĠRA NAZZJONALI QED TERĠA’ TINGĦATA L-ĦAJJA
Is-siġra tal-Għargħar, li għaxar snin ilu kienet dikjarata bħala s-siġra nazzjonali ta’ Malta, qed terġa’ tingħata ħajja mill-ġdid wara li kienet kważi nqerdet għal kollox.
Dan qed isir permezz ta’ ħidma li qed issir mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura li qed ikabbar numru kbir ta’ siġar tal-Għargħar miż-żerriegħa. Bħalissa d-Dipartiment għandu mal-200 siġra lesti għat-tħawwil, 1,600 xitel żgħar u madwar 4,000 żerriegħa tal-Għargħar għall-produzzjoni.
Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta dalgħodu ħa sehem f’ċerimonja ta’ tħawwil ta’ siġra tal-Għargħar fl-Iskola Primarja Dun Xand Cortis, Sta Venera.
Il-Ministru Zammit fakkar li din is-siġra, li hija mill-familja taċ-ċipress u li tħaddar is-sena kollha, fl-imgħoddi kienet tikber f’numru akbar u kienet tiksi ħafna postijiet fil-gżejjer Maltin. Maż-żmien, iżda, saret rari ħafna u kienet waslet biex kważi tinqered għal kollox, tant li f’Malta ma fadalx aktar minn 100 siġra fis-selvaġġ.
Illum din is-siġra hi waħda protetta hu hi mniżżla fir-Red Data Book għall-gżejjer Maltin bħala speċi fil-periklu li tinqered. Bħal kważi l-koniferi kollha, hi tiflaħ ħafna għar-riħ u għalhekk hi siġra ideali ħafna biex titkabbar fuq l-għoljiet.
Il-Ministru Zammit esprima s-sodisfazzjon tiegħu li wara l-appell li għamel f’Novembru tas-sena l-oħra waqt it-tqassim ta’ żerriegħa u biċċiet ta’ pjanti biex jitkabbru mit-tfal ta’ l-iskejjel, aktar Maltin qed jagħrfu s-sbuħija ta’ din is-siġra u anki jħawlu minnhom, bħalma sar f’din l-iskola fejn din is-siġra se tkun tista’ titgawda mit-tfal tal-lum u dawk ta’ għada.
Hu ħeġġeġ lil kulħadd biex jibżgħu għas-siġar u biex jieħdu wkoll inizjattivi ħalli jkompli jiżdied l-ammont ta’ siġar fil-gżejjer Maltin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN