STUDENTI TA' L-ISTITUT GĦALL-ĦARSIEN TAS-SAĦĦA JGAWDU MILL-PROGRAMMI EDUKATTIVI TA' L-EWROPA
Il-Ministru ta’ L-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea dalghodu ltaqa’ ma’ tnax-il student mill-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa (Institute of Health Care) ta’ l-Universita’ ta’ Malta li bejn id-29 ta’ Awissu u t-28 ta’ Settembru, 2002 ser imorru fuq proġett ta’ Mobilita’ fil-Belġju bħala parti mill-programm Leonardo da Vinci.
It-tnax-il student Malti li qed jattendu korsijiet ta’ B.Sc Nursing jew Diploma in Nursing fl-Istitut ser ikunu qed jaħdmu fi kliniċi u sptarijiet mad-Dipartiment tal-Ħarsien tas-Saħħa ta' Turnhout fil-Belġju fejn ser jagħmlu erba’ ġimgħat ta’ taħriġ intensiv fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal, maternita’, ħarsien ta’ persuni anzjani u fi swali ta’ mediċina ġenerali u kirurġika. Dan id-dipartiment fil-Belġju intgħażel minħabba l-esperjenza vasta li għandu fil-mobilita’ internazzjonali u jispeċjalizza f’ taħriġ ta’ l-infermiera u qwiebel. It-taħriġ li ser jingħata, jikkumplimenta t-tagħlim tejoriku u prattiku li qed jieħdu hawn Malta. L-istudenti Maltin ser ikunu akkumpanjati minn żewġ ‘clinical tutors’ Maltin, Ms Rita Sant u Ms Jeanette Cilia.
Il-programm Leonardo da Vinci ta’ l-Unjoni Ewropea jipprovdi għajnuna lil Stati Membri u pajjiżi applikanti biex ċittadini jitgħallmu u jitħarrġu f'ħiliet ġodda jew isaħħu l-kompetenzi tagħhom f'settur ta' xogħol li jagħżlu. Meta jirritornaw Malta, din l-esperjenza tgħinhom ukoll biex japplikaw dan it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u jgħaddu dan it-tagħlim lil kollegi oħra.
Malta ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-programmi edukattivi ta’ l-Unjoni Ewropea bħala pajjiż kandidat għas-sħubija. Bħalissa Malta qed tipparteċipa fil-programmi Leonardo da Vinci, Socrates, YOUTH u Fifth/Sixth Framework Programme. Mis-sena d-dieħla, Malta ser tibda tibbenefika minn parteċipazzjoni fil-programm Culture 2000. Il-programm Leonardo da Vinci ġie inawgurat fil-bidu tas-sena elfejn.
Waħda mill-miżuri fil-programm Leonardo da Vinci hija proprju Mobilita’. Din il-miżura tipprovdi fondi biex studenti, ħaddiema, nies li qed ifittxu xogħol jew iridu jbiddlu x-xogħol tagħhom, għalliema u nies f’pożizzjoni maniġerjali, jagħmlu perjodu ta’ ftit ġimgħat barra minn Malta f’istituzzjoni simili għal tagħhom biex isaħħu u jwessgħu t-taħriġ vokazzjonali li jkunu qed jieħdu f’pajjiżhom.
F’dawn is-sentejn ta’ parteċipazzjoni, kien hemm 363 persuna li bbenefikaw minn taħriġ f’pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fosthom 130 student u apprendist, 125 ħaddiem u 110 għalliema u nies f’pozizzjoni maniġerjali. Dawn kollha marru b’għajnuna finanzjarja qawwija li l-Unjoni Ewropea tat lil Malta bħala pajjiż applikant. Dawn il-gruppi jinkludu nies minn istituzzjonijiet edukattivi, għaqdiet privati, awtoritajiet u ċentri governattivi, u ġejjin mis-settur tas-servizzi, manifattura, servizzi tas-saħħa u ħarsien tal-familja u turiżmu.
Il-Ministru Louis Galea, fid-diskors tiegħu, qal li pajjiżna wasal fi żmien ta' għażla fejn bħala nazzjon irridu niddeċiedu jekk irridux insiru membri fl-Unjoni Ewropea jew jekk irridux nibqghu f'isolament. Il-Ministru qal li l-għażla m'għandiex tkun waħda bbażata fuq il-partiġġjaniżmu iżda kulħadd, żgħażagħ, ġenituri, negozjanti, professjonisti, irid jiżen il-benefiċċji u l-iżvantaġġi tas-sħubija u jara x'inhu l-aħjar għal pajjiżna. Il-Ministru qal li l-Gvern tal-ġurnata jemmen li bi sħubija pajjiżna jgawdi bil-wisq aktar vantaġġi milli żvantaġġi. Eżempju ċar ta' dan huma l-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea. Għalkemm s'issa bħala pajjiż applikant Malta tikkontribwixxi terz biss tal-fondi li hemm bżonn għal dawn il-programmi filwaqt li l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi iż-żewġ terżi l-oħra, dan hu biss parti żgħira mill-benefiċċji li minnhom qed igawdi l-pajjiż. Iż-żgħażagħ, il-ħaddiema, l-għalliema, l-organizzazzjonijiet u l-persuni kollha li jipparteċipaw f'dawn il-programmi jafu sew il-benefiċċji li huma qed igawdu.
Il-Ministru Galea qal li postna fl-Ewropa huwa dritt tagħna u issa iridu naraw x'ser nagħmlu b'dan id-dritt, jekk hux se narmuħ jew inkella jekk hux se nsarrfuh għall-ġid ta' pajjiżna. Hu qal li l-pajjiżi tal-UE jgawdu livell ta' għajxien għoli u standards għoljin fl-oqsma tas-saħħa, ta' l-ambjent, ta' l-ilma u l-enerġija u oħrajn u li l-Maltin jaspiraw li jilħqu dawn l-istandards u l-livell ta' għajxien ta' l-Ewropej. Il-Ministru temm jgħid li hu konvint li l-poplu Malti se jaraf x'inhi l-aħjar għażla għal pajjiżna u għal uliedna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN