Xoghol ta’ Tkabbir fid-Dipartiment ta’ l-Emerġenza fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono dalgħodu inawgurat proġett ta’ investiment ta’ Lm40,000 fi tkabbir fid-Dipartiment ta’ l-Emerġenza, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan kien pass ieħor importanti fil-ħidma intensiva tal-Ministeru għal Għawdex sabiex joffri lill-Għawdxin servizz tas-saħħa effiċjenti u modern.
"Is-servizz li joffri l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien, għadu u jibqa’ wieħed mill-prijoritajiet tal-Ministeru għal Għawdex. Dawn ix-xogħlijiet li qed ninawguraw illum huma frott ta’ l-impenn tagħna favur l-Għawdxin u dawk kollha li jkollhom bżonn jiddaħħlu fl-isptar,” qalet il-Ministru Debono.
Ix-xogħol ta’ tkabbir tad-Dipartiment ta’ l-Emerġenza kien jikkonsisti fil-bini ta’ ambulance bay, waiting room, porters lodge, toilets għall-pazjenti, resuscitation room u r-refurbishment ta’ żewġ kliniċi.
B’hekk issa meta xi pazjent jasal l-isptar b’ambulanza jew b’karozza privata, dan ikun jista’ jiddaħħal l-isptar mingħajr ma jkun espost għall-elementi kif kien isir s’issa.
Il-familjari li jakkumpanjaw lill-pazjent u l-pazjenti nfushom jistgħu joqgħodu fil-waiting room li nbniet apposta minflok f’kuridur kif kien isir qabel. Din il-waiting room ser isservi wkoll ghad-Dipartiment ta’ l-X-Rays u b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent li kien jinħoloq meta persuna tkun tistenna biex tinqeda minn dan id-dipartiment.
Il-Ministru għal Għawdex rringrazzjat lil kull min kien involut f’dan il-proġett fosthom is-Supretendent ta’ l-Isptar, l-Inġinier u l-ħaddiema tat-Taqsima tal-Manutenzjoni ta’ l-Isptar, li mpenjaw ruħhom sabiex dan il-proġett tlesta fil-ħin kif kien ippjanat fil-waqt li tenniet li “dan it-tkabbir issa qed jassigura li kull min jiġi bżonn dan id-dipartiment, li huwa wkoll il-post fejn isiru l-ammissjonijiet tal-pazjenti li jkunu ser jiġu rikoverati fl-isptar għal xi jiem, issa huwa strutturat b’mod li naqqas għal kollox l-inkonvenjent għal pazjent."
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm s-Superintendent ta’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Dr. Anthony Livori, il-Prof. Maurice N. Cauchi Chairman tal-Kunsill tas-Saħħa għal Għawdex, konsulenti mediċi ta’ l-Isptar, kif ukoll l-ħaddiema kollha tad-Dipartiment ta’ l-Emerġenza.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN