Left arrow Go Back

Twaqqaf il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti: Tmexxija ġdida fil-Qasam tal-Kultura

PR1073
Date Icon 06/08/2002

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr. Louis Galea ħabbar it-twaqqif tal-KUNSILL MALTI GĦALL-KULTURA U L-ARTI. Il-Kunsill qed jitwaqqaf bis-saħħa tal-liġi li għaddiet mill-Parlament ftit ilu u se jieħu post id-Dipartiment tal-Kultura. Għall-ewwel darba Malta għandha liġi dwar struttura pubblika fil-kultura u adottat dokument dwar il-politika kulturali li għandu jsegwi l-pajjiż.

L-iskop ewlieni tat-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti huwa biex jippromwovi l-kultura ta’ Malta b’kull għamla ta’ espressjoni kreattiva u li jżid l-aċċessibilita’ tal-pubbliku għall-Arti, u jkabbar il-patrimonju kulturali ta’ Malta kemm fil-pajjiż innifsu u barra mill-pajjiż. Fost affarijiet oħra, ser ikun dmir il-Kunsill li jissalvagwardja l-iżvilupp dinamiku ta’ dawk il-fattizzi kulturali, inklużi fattizzi intellettwali, lingwistiċi u folkloristiċi, li jidentifikaw lill-poplu Malti. Ikun ukoll dmir il-Kunsill li jikkollabora mal-Kunsilli Lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u persuni oħra għall-promozzjoni ta’ inizjattivi artistiċi u kulturali f’ambjent li jirrikonoxxi l-valur ta’ l-kreattivita’ bħala wieħed ċentrali għal komunita’ matura u b’saħħitha. Ikun dmir il-Kunsill ukoll li jinkoraġġixxi s-sejbien, żvilupp u espressjoni ta’ kull potenzjal personali artistiku u jippromwovi l-parteċipazzjoni, l-inklusivita’, l-egwaljanza u l-liberta' ta’ l-espressjoni, pluraliżmu u identita’ artistiċi fil-kultura.

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ser jitmexxa mis-Sur Joseph F.X. Zahra bħala President li ser ikollu jassistih lill-Professur Richard England bhala Viċi President u sebgħa membri oħra. Il-management ta’ kuljum ser ikun f’idejn Dr. Paul V. Mifsud li qed jiġi maħtur l-ewwel Direttur Esekuttiv tal-Kunsill.

Il-Ministru Galea qal li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ser jieħu post id-Dipartiment tal-Kultura u għalhekk is-sit tiegħu ser ikun Casa Gaspe, 230, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Ix-xhur li ġejjin, qal il-Ministru, ser ikunu l-fażi transitorja mill-istruttura preżenti ta’ Dipartiment tal-Gvern għall-istruttura ġdida fejn il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ser jibni l-pedamenti tal-kompetenza tiegħu. Tul dan iż-żmien, il-Kunsill ser jieħu f’idejh dawk il-funzjonijiet kollha li kellu d-Dipartiment tal-Kultura u jsawwar magħom strutturi ġodda li ma setgħux jitwaqqfu fi ħdan Dipartiment tal-Gvern. Fil-Gazzetta tal-Gvern ser jiġi pubblikat l-Avviż Legali li jibda jdaħħal fis-seħħ il-partijiet tal-liġi l-ġdida li għandhom x’jaqsmu mat-twaqqif tal-Kunsill. Il-Ministru Galea qal li huwa diġa nforma lill-UĦM u lill-GWU bil-passi li qed jittieħdu u ser jiltaqa’ mal-impjegati tad-Dipartiment tal-Kultura biex jispjegalhom il-bidliet li ser iġġib magħha l-liġi l-ġdida. Laqgħat ta’ konsultazzjoni u negozjati skond il-bżonn ikomplu mal-ħaddiema u mal-Unjons fiż-żmien li ġej.

Meta tkellem dwar l-irwol tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, il-President tiegħu is-Sur Joseph F.X. Zahra qal li l-Kunsill għandu quddiemu żewġ sfidi kbar: it-twettiq tad-demokratizzazzjoni tal-kultura mal-pajjiż kollu u l-iżvilupp, il-motivazzjoni u t-titjib tal-konoxxenza u tal-aċċessibilita' tal-kultura u l-Arti fil-pajjiż in ġenerali. Sfida oħra mportanti ħafna, qal is-Sur Zahra, hija it-titjib fil-kwalita' tal-produzzjoni u tal-kontenut ta’ espressjoni u ta’ atti kulturali u artistiċi Maltin.

Anness: Kompożizzjoni tal-Kumitat Malti għall-Kultura u l-Arti u profil tal-President, Viċi President, u tad-Direttur Esekuttiv.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow