Skejjel Ċentri ta' Tagħlim fil-KomunitÀ
Fl-iSkola Sekondarja tal-bniet Kan. Pawl Pullicino, Rabat (Malta), kienet inawgurata sala ġdida, maħsuba biex tintuża għal-laqgħat u konferenzi żgħar li jsiru fil-lokalità.
Waqt il-ftuħ ta' din is-Sala, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, qal li x-xogħol li sar fuq din is-sala juri kemm entijiet differenti, pubbliċi u privati jistgħu jaħdmu flimkien għall-benefiċċju tagħhom ilkoll. L-iSkola Sekondarja, il-Kunsill ta' l-iSkola, il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Bank of Valletta, ħadmu flimkien biex is-Sala jkollha l-apparenza u l-apparat meħtieġ. Il-Ministru qal li kooperazzjoni ta' dan it-tip hi fl-ispirtu tal-Kurrikulu Nazzjonali, li jagħti spazju biex jitressqu dejjem aktar qrib xulxin l-iskola u l-komunità.
Is-Sala għall-Konferenzi, li qabel kienet kamra mdaqqsa li ma kienetx qed tintuża, tiflaħ massimu ta' 80 persuna u hi faċilment aċċessibbli għal kulħadd, inkluż l-anzjani u l-persuni b'diżabilità. Minbarra li sservi lill-iskola biex fiha, fost oħrajn, jitlaqqgħu l-ġenituri, l-għalliema jew l-istudenti, is-Sala se tkun ukoll għad-disposizzjoni tal-Kunsill Lokali u istituzzjonijiet oħra Rabtin, biex ikunu jistgħu jagħmlu laqgħat u konferenzi fiha.
Fl-iSkola Sekondarja tar-Rabat jattendu 587 studenta mill-lokalitajiet tar-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Birkirkara u bnadi ohra. Din is-sena l-iskola se tkun qed tiċċelebra l-ħamsin anniversarju tagħha f'Novembru li ġej. L-iskola hi wkoll sit arkeoloġiku, minħabba li taħt l-istess skola hemm katakombi pre-puniċi, li dan l-aħħar infetħu għall-pubbliku. Dawn il-katakombi huma l-eqdem ta' dan it-tip f'pajjiżna. L-istudenti ta' l-iskola qed jagħmlu proġett ta' riċerka dwar dawn il-katakombi u bi ħsiebhom jipproduċu video bl-informazzjoni miġbura.
Il-Ministru Louis Galea faħħar l-inizjattivi li qed jieħdu l-għalliema u l-istudenti f'din l-iskola. Hu qal li bis-sehem ta' kulħadd, l-iskejjel tagħna jistgħu jsiru tassew centri eċċellenti ta' tagħlim fil-komunità.
Il-Ministru qal li fix-xhur u s-snin li ġejjin l-iskejjel se jkomplu jiżviluppaw f'ċentri ta' tagħlim fil-komunità, hekk kif il-Focus Group li twaqqaf apposta jibda jimplimenta l-programm tiegħu.
L-iskejjel tagħna għandhom ħafna riżorsi li jintużaw biss fil-ħinijiet ta' l-iskola u dan m'hux użu effiċjenti tar-riżorsi li għandna. Bħala eżempju, il-Ministru semma l-5,000 kompjuter li hemm fl-iskejjel.
Il-Ministru qal li bħalissa l-kompjuters kollha fl-iskejjel primarji qed jingħataw aċċess għall-Internet u l-Ministeru diġà għamel l-arranġamenti biex il-Gvern ikun jista jipprovdi aktar minn 100,000 indirizz elettroniku (e-mail address).
Fil-ġejjieni hu maħsub li l-pubbliku jkun jista' juża dawn ir-riżorsi u b'hekk ikollhom għodda oħra għat-tagħlim u r-riċerka
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN