Left arrow Go Back

Nofs miljun lira aktar għall-bdiewa fl-ewwel sitt xhur

PR1005
Date Icon 19/07/2002

Id-dħul tal-bdiewa mill-bejgħ tal-prodotti li jbiegħu mill-pitkalija żdied b’aktar minn nofs miljun lira fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, li jfisser żieda ta’ 15 fil-mija fuq id-dhul fl-istess perjodu s-sena d-dieħla.

F’diskors fil-ftuħ tal-Wirja Agrikola annwali fi Ġnien Romeo Romano, Santa Venera, il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit qal li filwaqt li fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra l-bdiewa daħħlu Lm3.4 miljun mill-ħxejjex u frott li jtellgħu fil-pitkaliji, fl-istess perjodu din is-sena daħħlu Lm3.9 miljun.

Il-Ministru Zammit qal li x-xahar ta’ Ġunju kien wieħed tajjeb ħafna għall-bdiewa tant li kien hemm żieda sostanzjali kemm fid-dħul kif ukoll fil-volum ta’ biegħa li ddaħħlet fil-pitkaliji. Hu qal li l-volum ta’ ħxejjex li ddaħħlu f’Ġunju ta’ din is-sena żdied b’madwar 8 fil-mija filwaqt li dak tal-frott żdied bi 28 fil-mija meta mqabbel ma’ l-istess xahar tas-sena l-oħra

Hu qal li ż-żieda fil-produzzjoni tal-frott hi waħda sinjifikatttiva peress li qed jinkiseb il-frott ta’ l-inizjattivi li bdew jittieħdu fis-snin disgħin mill-Gvern preżenti meta kien tnieda proġett ta’ aġġornament dwar it-tipi ta’ siġar tal-frott irqiq li kellhom jibdew jitkabbru f’Malta u li huma tajbin għall-klima lokali.

Il-Ministru Zammit fakkar li kien inġieb Malta espert Taljan u, skond il-pariri li ta, bdew ikunu esperimentati varjetajiet ġodda ta’ siġar tal-frott irqiq li, peress li jipproduċu frott bikri, ftit li xejn jirrikjedu bexx għax id-dubbiena tal-frott ma tkunx għadha bdiet taħdem. Kemm il-bdiewa kif ukoll id-dilettanti bdew jingħataw, bi prezz sussidjat, minn dawn is-siġar ─ ħawħ, berquq, nuċiprisk u għajnbaqar ─ kif ukoll tilqim biex ikabbruhom huma stess is-siġar mir-riżoma.

B’riżultat ta’ din il-ħidma qed tiżdied il-produzzjoni ta’ frott iriq bikri, tant li jekk wieħed jieħu x-xahar ta’ Mejju jsib li l-volum ta’ hawħ, nuċiprisk, berquq u għajnbaqar li ddaħħal fil-Pitkalija f’Mejju ta’ din is-sena żdied b’iżjed minn 60 fil-mija meta mqabbel ma’ l-istess xahar is-sena l-oħra.

Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-ħidma li qed issir biex il-biedja f’pajjiżna tibqa’ ħajja u sostenibbli.

Filwaqt li semma wkoll il-vantaġġi għas-settur agrikolu mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Ministru Zammit qal li din il-ġimgħa fi Brussels tkomplew il-konsultazzjoni uffiċjali dwar il-kapitlu ta’ l-agrikoltura. Hu irrifera wkoll għar-riforma li qed issir fil-Politika Komuni Ewropea u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li t-tibdil li kien propost se jiffavorixxi aktar lis-settur tal-biejda f’pajjiżna peress li fir-rigward tal-għajnuna l-priorità se tkun il-ħarsien ta’ l-ambjent, is-sigurtà ta’ l-ikel u l-ambjent rurali.

Hu qal li r-realtà hi li filwaqt li kulħadd jaqbel li s-settur tal-biedja f’pajjiżna jeħtieġ jirristruttura, bi sħubija fl-Unjoni Ewropea dan ir-ristrutturar ikun jista’ jsir bl-għajnuna minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jekk nibqgħu barra l-flus jkollu joħroġhom il-poplu Malti waħdu.

Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit feraħ lill-Għaqda Voluntieri ta’ Sta Venera għall-inizjattiva li qed jieħdu kull sena biex itellgħu wirja agrikola ta’ kwalità għax wirjiet bħal dawn iservu biex il-pubbliku jsir aktar konxju minn dak li kapaċi jipproduċi l-bidwi bl-għaraq ta’ ġbinu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow