Left arrow Go Back

FINANZJAMENT TA' €378,000 MILL-UNJONI EWROPEA GĦAL SISTEMA TA' INFORMAZZJONI DWAR IL-ĦAMRIJA

PR078
Date Icon 25/01/2002

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm approvat proġett dwar il-ħolqien ta' sistema ta' informazzjoni dwar il-ħamrija f'pajjiżna u għaldaqstant se tiffinanzja 60 fil-mija tal-proġett fl-ammont ta' €378,000.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta dalgħodu żar iċ-Ċentru għall-Iżvilupp u r-Riċerka Agrikola fl-Għammieri l-Marsa. Dan iċ-Ċentru se jkun responsabbli mit-twettiq ta' dan il-proġett.

Il-Ministru Zammit qal li l-proġett, magħruf bħala MALSIS, tressaq mill-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd u jinkludi stħarriġ dwar il-ħamrija fil-gżejjer Maltin. L-ispiża tal-proġett kollu tlaħħaq għal €639,950.

Il-proġett mistenni jibda jitwettaq fil-jiem li ġejjin u se jkun mifrux fuq perjodu ta' sentejn. Se jkun implimentat miċ-Ċentru għall-Iżvilupp u Riċerka Agrikola fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd, bil-kollaborazzjoni ta' l-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Ħamrija ta' l-Università ta' Cranfield fir-Renju Unit. Id-direttur tekniku tal-proġett se jkun is-Sur George Carbone, Chief Scientific Officer, filwaqt li Ms Sonya Vella, Scientific Officer, se tkun il-manager tal-proġett.

L-iskop ta' dan il-proġett, spjega l-Ministru Zammit, hu li jinħoloq aċċess faċli għal informazzjoni dettaljata dwar il-ħamrija fil-gżejjer Maltin. Informazzjoni ta' din ix-xorta hi mfittxija ħafna minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, regolaturi ta' l-ippjanar, dawk involuti fil-qasam ambjentali u fil-qasam agrikolu, u mill-inġiniera ċivili. Is-sistema li se tkun żviluppata mistennija tipprovdi kull informazzjoni meħtieġa dwar il-ħamrija u se tkun integrata wkoll fl-istrutturi ta' l-informazzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea dwar il-Ħamrija.

Il-proġett se jkun maqsum f'sitt fażijiet li għandhom iwasslu għall-ħolqien ta' database diġitali dwar il-ħamrija, sistema ta' informazzjoni li tindirizza l-obbligi agro-ambjentali tal-leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, u t-twaqqif ta' Uffiċċju Nazzjonali dwar il-Hamrija.

Il-Ministru Zammit qal li s'issa qatt ma sar stħarriġ ta' din ix-xorta fuq il-ħamrija fil-gżejjer Maltin. Hu semma li l-uniku studju li sar dwar il-ħamrija kien dak ta' D.M. Lang. Dan l-istudju kien finalizzat fl-1960.

L-iskop ta' dan l-istudju kien li jipprovdi deskrizzjoni bażika tal-ħamrija u d-distribuzzjoni tagħha u għaldaqstant seta' jintuża bħala għodda għall-ippjanar agrikolu.

Hu żied li pajjiżna jeħtieġ li jkollu informazzjoni dettaljata dwar il-ħamrija kemm fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, biex il-pajjiżi membri jiżviluppaw politika dwar il-ħarsien tal-ħamrija, kif ukoll biex Malta tkun tista' timplimenta t-tmien direttivi ta' l-Unjoni Ewropea li b'mod jew ieħor jolqtu l-ħamrija. Dawn jinkludu d-Direttiva dwar in-Nitrati, id-Direttiva dwar l-Ilma għax-Xorb, id-Direttiva dwar Materjal tad-Drenaġġ fl-Agrikoltura, id-Direttiva dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Pestiċidi u d-Direttiva dwar l-Ambjent Naturali u l-Ispeċi.

Hu qal ukoll li dan il-proġett għandu jgħin biex ikunu identifikati u implimentati forom sostenibbli ta' produzzjoni agrikola, biex ikunu konservati r-riżorsi tal-ħamrija li għandna u biex titjieb il-kwalità ta' l-ilma taħt l-art.

Filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li jsir monitoraġġ kontinwu biex titħares il-ħamrija fil-futur, il-Ministru Zammit semma li problemi li qed tiffaċċja l-ħamrija f'pajjiżna jinkludu l-użu qawwi li qed issir minnha, it-telf tal-ħamrija u t-tniġġiż. Hu qal li fir-rigward tal-problema tat-telf tal-ħamrija diġà qed isir proġett ieħor bħala parti mill-CAMP, u li hu wkoll finanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit semma li proġett ieħor fil-qasam agrikolu li parti mill-finanzjament tiegħu ġejja wkoll mill-Unjoni Ewropea hu s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-biedja, permezz ta' sistema ġeografika. Din tiġbor fiha flimkien l-informazzjoni kollha dwar il-bidwi u r-raħħal, l-uċuħ tar-raba' li jaħdem u l-merħliet ta' annimali. Dan il-proġett diġà qed jitwettaq. Għal dan il-proġett, l-Unjoni Ewropea se tagħti €1 miljun.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow