BINI TA' MSAĠAR U PARKS NAZZJONALI U REĠJONALI
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech dalgħodu ppresieda ċerimonja ta' taħwil is-siġar mogħtija mill-Ministeru għall-Ambjent u preżentazzjoni ta' premjijiet lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni għal tpinġijiet għall-Kalendarju ta' Xummiemu 2002.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li skond l-aħħar ċifri f'Malta hawn13.37 kilometri kwadri ta' boskijiet, jew 4.23 fil-mija ta' l-art kollha fil-pajjiż. Dawn huma proprjetà pubblika u jintużaw għal skopijiet ta' rikreazzjoni. Francis Zammit Dimech qal li l-art miksija bis-siġar naqset f'dawn l-aħħar 50 sena minħabba l-bini li tela' li ġab miegħu t-telf ta' partijiet kbar tal-kampanja Maltija. Dan ifisser li pajjiżna għandu ferm anqas siġar milli għandhom pajjiżi oħra u għalhekk irid isir sforz bejn kulħadd biex irqajja ta' art li huma miksija bil-blat jinbidlu f'imsaġar.
Francis Zammit Dimech qal li diversi Gvernijiet Maltin għamlu kull sforz biex jiksu bis-siġar art li qabel kienet blat jew xagħri. Qal li dawn l-isforzi rnexxew f'diversi lokalitajiet, iżda li kien għad baqa' ħafna x'isir.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li fil-budget ta' din is-sena hemm riferenza għall-bini ta' imsaġar. Il-Gvern huwa kommess li jbiddel meded ta' art f'imsaġar u wara li s-sena li għaddiet saru studji f'dan ir-rigward, kienu identifikati ħames siti proprjetà tal-Gvern li fihom jista' jibda proġett ta' tħawwil ta' siġar. Qal li kienu identifikati siti f'Delimara, Xrob l-Għaġin, Pembroke, Kennedy Grove/Salina u l-Imtaħleb. Francis Zammit Dimech qal li din kienet biċċa xogħol kbira li kienet tirrikjedi ppjanar serju, għaliex is-siġar ma jridux biss jitħawwlu iżda trid tingħatalhom attenzjoni kontinwa, billi jkun hemm min issaqihom, jiżborhom, jnaddaf taħthom u jieħu ħsiebhom.
Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għall-Ambjent matul din is-sena kien se jiżviluppa diversi parks. Il-Ministeru għall-Ambjent kien diġà qed jaħdem biex ikompli jiżviluppa l-park nazzjonali f'Ta' Qali fejn matul is-sena li għaddiet komplew tħawwlu aktar siġar. Qal li kompla l-iżvilupp f'Wied Għomor u barra s-swar tal-Kottonera fuq in-naħa ta' Ħaż-Żabbar, fejn qed ikun żviluppat park f'nofs masġar taż-żebbuġ li hemm fil-lokal. Francis Zammit Dimech qal li lokalità oħra fejn il-Ministeru għall-Ambjent kien qed jaħdem biex jibni park hija Ħal Far, fejn kien qed ikun ippjanat li titkabbar u tissebbaħ il-picnic area, wara li jsir it-tibdil meħtieġ biex tinbena l-aħħar parti tat-triq li min-naħa ta' l-ajruport twassal għall-Port Ħieles.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li l-Ministeru għall-Ambjent kellu l-mixtla tiegħu f'Kordin, fejn kien ikabbar mijiet ta' siġar biex jitħawwlu fi proġetti ta' tisbiħ li kienu qed jitwettqu mill-Ministeru. Qal li xi żmien ilu l-Ministeru għall-Ambjent kien intalab numru ta' siġar biex jitħawwlu fil-grounds ta' l-Iskola Primarja Sant'Anna ta' Marsascala, talba li laqa' bil-qalb mhux biss għaliex il-Ministeru għall-Ambjent kellu interess li jinkoraġixxi t-tħawwil ta' siġar madwar il-pajjiż kollu, iżda anke għaliex irid ikompli jagħti l-kontribut tiegħu biex isebbaħ dan il-lokal diġà sabiħ ta' Marsascala. Francis Zammit Dimech qal li f'din il-lokalità l-Gvern preżenti kien diġà investa miljuni ta' liri biex bidel is-sistema tad-drenaġġ u biex wessa u bena l-promenade tul Triq ix-Xatt u minn ħdejn il-pixxina sal-pjazza, inkluża l-area tal-parkeġġ tad-dgħajjes, kompla sebbaħ il-promenade kollu tal-lokalità u qed iwettaq xogħol ta' restawr fit-Torri ta' San Tumas u fir-ridott. Francis Zammit Dimech qal li matul din is-sena l-Gvern se jkompli jsebbaħ din il-lokalità b'aktar xogħlijiet ta' tisbiħ, restawr u tindif.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li ried jifraħ lill-Kap ta' l-Iskola Sant'Anna u lill-istudenti għall-inizjattiva tagħhom li jsebbħu l-grounds ta' l-iskola bis-siġar. Qal li inizjattivi bħal dawn kienu jwasslu biex min ikun qed jipparteċipa fihom jsir aktar konxju ta' l-importanza li nħaddru pajjiżna bis-siġar u tal-ħtieġa li s-siġar wara li nħawwluhom nieħdu ħsiebhom u ngħożżuhom. Il-Ministru fakkar li din il-ġimgħa kienet waħda dedikata għas-siġar li matulha l-iSchool Arbor Committee magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeru għall-Agrikoltura, mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u mill-Malta Union of Teachers jagħmlu attivitajiet li jkabbru l-imħabba tat-tfal lejn in-natura. Qal li kien ta' pjaċir għalih li l-Ministeru għall-Ambjent kien qed jagħti sehmu biex fil-pajjiż jitħawwlu aktar siġar u biex il-poplu jsir aktar konxju mill-importanza tas-siġar għal saħħitna u għall-ambjent li fih ngħixu.
Il-Ministru għall-Ambjent wara qassam premjijiet lir-rebbieħa fil-kompetizzjoni ta' l-aħjar tpinġijiet li ntagħżlu biex ikun ippubblikat il-kalendarju ta' Xummiemu għal 2002.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN