Left arrow Go Back

INDIRIZZ TA' L-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA' MALTA, FL-OKKAŻJONI TA' L-ISKAMBJU TA' AWGURI GĦAS-SENA ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU - IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 11 TA' JANNAR 2002

PR023m
Date Icon 11/01/2002

Mons. Conti, Dekan tal-Korp Diplomatiku,

Eċċellenzi,

Nilqagħkom ilkoll, f'isem il-Gvern u l-poplu Malti, u nirringrazzjak, Mons. Conti, ta' dawn il-ħsibijiet li għadek kemm esprimejt b'mod hekk elokwenti.

Naqsam miegħek il-preokkupazzjonijiet fuq il-ħafna kwistjonijiet li qegħdin jaffettwaw l-umanità, kwistjonijiet li qed jolqtu negattivament lil miljuni ta' nies madwar id-dinja, kif ukoll fuq l-isfidi u l-opportunitajiet li għandna quddiemna lkoll.

Żviluppi li seħħew matul l-aħħar sena tefgħu dell ta' inċertezza fuq ħafna aspetti tal-ħajja tagħna, u numru ta' immaġini qawwija jibqgħu quddiem wiċċna - immaġini ta' biza' u terrur, ta' sofferenza u qerda bla ebda raġuni.

Dħalna fit-tielet millennju, u l-bniedem għadu jġarrab dawk il-kontradizzjonijet li ħakmuh sa mill-bidu taż-żmien. Abel u Kajjin setgħu biddlu l-ilbies, imma il-mysterium iniquitatis, il-misteru tal-ħażen, għadu jgħasses fuq l-eżistenza tagħna.

Dħalna fit-tielet millennju, u l-paċi għadha merkanzija skarsa - paċi mhux biss bħala nuqqas ta' konflitt, imma paċi bħala l-bażi neċessarja għall-interazzjoni bejn il-popli u l-istati; paċi mibnija fuq ġustizzja, djalogu u ftehim.

Il-messaġġ tal-paċi għadda lilna f'bosta suriet. Fir-reġjun Mediterran insibu l-benniena tat-tliet reliġjonijiet monoteistiċi l-kbar. Huma twemmin li jħaddnu l-għerf tal-ħajja, il-ħniena u l-koeżistenza paċifika.

Tul l-istorja, kull meta dan il-messaġġ ġie mgħawweġ minħabba interpretazzjonijiet fondamentalisti, dan wassal għal tħarbit kbir. Taħt sura ta' ġellieda tar-reliġjon, imħuħ morda għadhom intenzjonati li jġorru 'l-bniedem fuq it-triq tal-konflitt u l-miżerja. Uħud jinqdew bir-reliġjon biex jgħattu ideoloġiji estremisti.

Dan il-baħar ta' kultura u ċiviltà huwa għani fid-diversità li jħaddan imma jinkorpora fih ukoll il-perikli ta' inkomprensjoni diviżiva. Imkien ieħor ma teżisti diversità hekk għanja, li jekk ma tiġix ikkoltivata sewwa, tista' twassal għal diviżjonijiet profondi ta' natura politika, soċjo-ekonomika u psikoloġika.

Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu riżolti l-perċezzjonijiet, l-ideat u l-fehmiet negattivi li jaffettwaw ħażin il-koeżistenza bejn il-popli fi ħdan dan il-baħar. Li jiġu riżolti l-problemi li qed joħonqu dan ir-reġjun huwa essenzjali għal ħafna kwistjonijiet ta' priorità, li jista' jkollhom konsegwenzi 'l hinn mill-fruntieri tal-Mediterran. Madankollu, ħafna huma dawk li għadhom ma għarfux it-tagħlim ta' l-istorja.

Aħbarijiet traġiċi mil-Lvant Nofsani saru ħaġa ta' kuljum. Kull vittima hija kantun ogħla fil-ħajt li jissepara l-Iżrael u l-Palestinjani. Il-vjolenza tgħix fuq il-vjolenza, u l-għajjat ta' vendetta jidhru li qed jifgaw il-loġika tar-raġuni u l-moderazzjoni. Għexieren ta' snin ta' konflitt ħallew ġerħa fuq l-Art Imqaddsa u l-isforzi favur il-paċi sistematikament sofrew sabotaġġ. L-estremiżmu, ikun taħt liema sura jkun, kapaċi jipperikola l-isforzi mmirati sabiex tinkiseb il-paċi u l-istabilità tant essenzjali u mistennija.

L-iStat ta' Iżrael għandu d-dritt għal fruntieri aċċettati u ħielsa minn theddid. In-nies ta' Iżrael għandhom id-dritt li jgħixu ħielsa mill-biża' li jitilfu ħajjithom għal xejn b'xejn. Il-poplu Lhudi, li sofra l-indinjazzjoni tal-persekuzzjoni, għandu d-dritt għal ġejjieni tiegħu ġewwa l-art li jista' jsejjaħ tiegħu.

Imma l-poplu Palestinjan għandu daqstant dritt għal stat tiegħu, ħieles mill-okkupazzjoni tal-barrani. Fil-libertà li jfassal destin politiku u ekonomiku, l-iStat Palestinjan ikun jista' joffri lill-poplu tiegħu żbokk mil-loġika ta' disperazzjoni li taħkem lin-nies meta ma jilmħux futur vijabbli quddiemhom.

Għad fadal ħafna ostakli fuq it-triq ta' ġejjieni ta' paċi. Aħna nitolbu sabiex dawn iż-żewġ popli jsibu soluzzjoni ġusta u paċifika għall-ġejjieni fejn il-ġeografija imponiet fuqhom li jgħixu bħala ġirien.

Aħna nappoġġaw lill-komunit internazzjonali fl-isforzi tagħha biex jintlaħaq ftehim. Il-komplessita' tas-sitwazzjoni twassal biex dawn l-isforzi spiss ikunu xogħol frustranti jew ma jsibux għarfien. Imma għandna l-obbligu, b'responsabilita' internazzjonali, għall-ħarsien ta' min jgħix taħt okkupazzjoni, l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, u l-eliminazzjoni tat-terroriżmu.

Nemmnu li l-komunità internazzjonali għandha tkun garanti għall-implimentazzjoni u l-osservanza tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment il-242 u t-338.

Il-11 ta' Settembru se jibqa' mfakkar fl-istorja bħala ġurnata oħra ta' infamja. Flimkien mad-dinja ċivili, aħna nħossuna qrib is-sofferenza tal-poplu Amerikan u ta' kull min sofra l-konsegwenzi tat-terroriżmu. Naqsmu n-niket ta' dak l-affront kontra l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.

Iżjed minn qatt qabel, nagħrfu l-bżonn li naħdmu flimkien biex niġġieldu l-perikli għall-eżistenza tagħna. Fil-futur immedjat, hemm bżonn li jinqerdu l-fonti diretti tat-terroriżmu. F'kontest usa u iżjed fit-tul, hemm bżonn li jiġu indirizzati serjament iċ-ċirkostanzi li qed iwasslu biex ħafna jħaddnu l-kawża tat-terroriżmu. Għalhekk il-komunità internazzjonali ma tistax tonqos mill-isforzi tagħha biex tfittex soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet bħal dik ta' Lvant Nofsani.

Kif Mons. Conti semma fid-diskors tiegħu, il-faqar u l-ġuħ, il-konflitt u l-mard qed ikomplu jaħkmu l-ħajja ta' parti kbira ta' l-umanità. Fid-dinja globalizzata tagħna, ma nistgħux naċċettaw il-purtiera ta' faqar bejn il-ftit li jgħixu fl-abbundanza u l-ħafna li jsofru fin-nuqqas. Din tkun riċetta għal traġedja.

Il-bniedem huwa kapaċi wkoll ta' egħmejjel ta' ħila kbira. L-għarfien dettaljat tal-ġene uman, li fetaħ orizzonti ġodda fil-kamp tal-mediċina, huwa biss eżempju ieħor. Il-kapaċità intellettwali, l-għerf u d-don ta' l-iskoperta taw lill-bniedem il-possibilità li jilħaq livelli ogħla fl-iżvilupp taċ-ċiviltà.

Eċċellenzi,

Malta pajjiż Ewropew li jrid ikompli jibni fuq ir-relazzjonijiet tajba li ġew minsuġa tul is-snin ma' pajjiżi ġirien u ma' dawk iżjed imbegħda.

Fin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti għalaq għoxrin kapitolu u fiduċjuż li se jagħlaq in-negozjati sa l-aħħar ta' din is-sena sabiex ipoġġi għar-rieda sovrana tal-poplu Malti d-deċiżjoni dwar liema futur pajjiżna se jfassal. Id-dibattitu ħaj fuq l-Ewropa huwa manifestazzjoni oħra tas-saħħa tad-demokrazija ta' pajjiżna.

Il-Gvern Malti jemmen li pajjiżna jista' jikkontribwixxi iżjed pożittivament għad-dimensjoni Mediterranja ta' l-Ewropa, billi jiffaċilita d-djalogu bejn it-tramuntana u n-nofsinhar tal-Mediterran. Malta segwiet politika ta' kooperazzjoni attiva ma' stati minn kull xaqliba ta' dan il-baħar u minħabba l-ġeografija, il-lingwa Maltija, u x-xeħta naturali tagħna, nistgħu verament inkunu pont ta' ftehim fejn hemm id-differenzi u l-inkomprensjoni. Aħna dejjem tajna xhieda ta' dan l-impenn kemm f'kuntesti bilaterali kif ukoll f'dawk multilaterali. Se nkomplu nagħmlu ħilitna sabiex il-Mediterran jingħata l-importanza li jistħoqqlu fuq l-aġenda internazzjonali, permezz tal-Proċess Ewro-Mediterranju u fora oħra multilaterali.

Nibqgħu nħaddnu l-prinċipji u l-għanijiet ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u nkomplu naħdmu sabiex din l-organizzazzjoni, li hija l-iżjed universalment rappreżentattiva, iżomm ir-rwol tagħha bħala l-ogħla garanti għaż-żamma tal-paċi u l-istabilità internazzjonali. Il-komunità internazzjonali ma tistax tippermetti li din l-organizzazzjoni tkun imwarrba fuq suġġetti li jaqgħu direttament taħt il-kompetenza u r-responsabilità taggħa, kif miktub fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Premju Nobel għall-Paċi li reċentement ingħata lis-Segretarju Ġenerali Kofi Annan u lill-Organizzazzjoni li hu jmexxi, għandu jistimola l-isforzi kollettivi tagħna sabiex insaħħu r-rilevanza tagħha fin-nisġa tal-paċi, fit-tħaris ta' l-ordni internazzjonali, fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabilità.

Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, wettaqt numru ta' viżiti statali u uffiċjali. Nemmen li dawn iż-żjarat fil-Bulgarija, is-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, l-Estonja, ir-Repubblika Popolari Ċiniża u l-Ġermanja juru biċ-ċar ir-rieda ta' pajjiżna biex iseddaq ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi.

Ilqajna fuq xtutna numru ta' statisti ewlenin u politiċi minn kull xaqliba tad-dinja; mill-President Jiang Zemin li miegħu bnejt rapport ta' ħbiberija li jirrifletti tajjeb ir-relazzjonijet mill-aqwa maċ-Ċina; sal-Prim Ministri ta' l-Irlanda, l-Estonja, it-Tuneżija, il-Greċja, is-Slovakkja u l-iSvezja, il-President tal-Parlament Ewropew, kif ukoll membri tal-Kummissjoni Ewropea u personalitajiet politiċi oħra. Il-messaġġ tagħna lil kulħadd huwa wieħed ċar: Malta tisħaq biex isseddaq u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet fuq diversi livelli.

U s-suċċessur ta' Pietru, il-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II, ġie Malta fuq il-passi li San Pawl terraq elfejn sena ilu. Fi kliem li se jibqgħu minsuġa bħala l-għan ewlieni tal-poplu Malti u tal-ġenerazzjonijiet futuri, il-Q.T. il-Papa tenna:

"Malta hija fiċ-Ċentru tal-Mediterran. Għalhekk, intom għandkom vokazzjoni unika li tkunu bennejja tal-pontijiet bejn il-popli tal-baħar tal-Mediterran, bejn l-Afrika u l-Ewropa. Il-futur tal-paċi fid-dinja jiddependi fuq li jissaħħaħ id-djalogu u l-ftehim bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet. Komplu fit-tradizzjonijiet tagħkom ta' ospitalità, u komplu fl-impenn nazzjonali u internazzjonali tagħkom b'riżq il-libertà, il-ġustizzja u l-paċi."

Nirrfjutaw ġejjieni mibni fuq konfront bejn il-kulturi u ċ-ċivilitajiet. Reċentement, ipparteċipajt ġewwa Ġinevra f'sensiela ta' attivitajiet organizzati mill-Missjoni Permanenti tagħna hemmhekk, fuq it-tema ta' Malta bħala salib it-toroq taċ-ċiviltajiet. Salib it-toroq joffrilna għażliet. Aħna l-Maltin għamilniha l-għażla tagħna.

Kif ħeġġiġna l-Q.T. il-Papa, ser insegwu, Mons. Conti, Eċċellenzi, it-tradizzjonijiet tagħna ta' ospitalità u nkomplu l-impenn nazzjonali u internazzjonali b'riżq il-libertà, il-ġustizzja u l-paċi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow