MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-E.T. IL-PRESIDENT TA' MALTA, IL-PROF. GUIDO DE MARCO
Il-festi tal-Milied u ta' l-ewwel tas-sena huma okkażjoni tajba biex nagħmlu rendikont ta' l-aħħar tnax-il xahar, kif ukoll nipprojettaw l-aspirazzjonijiet tagħna għas-sena li ġejja.
L-2001 kienet sena li tulha pajjiżna kompla miexi 'l quddiem. Fi ħdan il-proċess politiku, għandna dibattitu sħiħ fejn opinjonijiet differenti jaħbtu flimkien, imma dejjem fi ħdan il-parametri u d-djalettika tad-demokrazija.
Deċiżjonijiet importanti jinsabu fuq ix-xefaq ta' l-istorja tal-poplu tagħna. Nemmen bis-sħiħ li aħna l-Maltin u l-Għawdxin immaturajna biżżejjed biex nagħmlu, nieħdu, inwittu u nwettqu t-triq ta' żvilupp għalina u għal uliedna b'responsabilta' u ċiviltà.
Opinjonijiet differenti mhumiex ġustifikazzjoni għal firda. Anzi, jirrikjedu iżjed maturità, tolleranza u rispett reċiproku. Aħna se nimxu fuq it-triq tal-progress flimkien, għax aħna poplu wieħed, poplu li jemmen li fl-għaqda miegħu nnifsu tinsab is-saħħa tagħna.
Din is-sena kellna żjara importanti - dik ta' Ġwanni Pawlu II. F'Mejju li għadda żarna dan il-Papa pellegrin, li segwa r-rotta ta' evanġelizzazzjoni li ħa San Pawl, elfejn sena ilu. Kif għidt lill-Papa Ġwanni Pawlu II, naħseb li l-fidi Kattolika hija l-ikbar don li għandu l-poplu tagħna, fidi li fuqha huma mibnija l-valuri li għaddewlna missirijietna. Il-parteċipazzjoni qawwija u l-laqgħa sinċiera li l-poplu Malti ta lill-Papa jixhdu l-forza tat-twemmin tagħna, u r-rieda li nkomplu nibnu l-futur ta' pajjiżna fuq il-pedamenti ta' l-istorja millenarja ta' dawn il-gżejjer, u fuq il-valuri minsuġa fl-identità tagħna.
Din is-sena assistejna u għexna wkoll avvenimenti li biddlu d-dinja. Il-kefrija ta' l-atti terroristiċi tal-11 ta' Settembru fl-Istati Uniti kexkxu d-dinja ċivili. Aħna esprimejna u wrejna s-solidarjetà tagħna mal-poplu Amerikan u ma' dawk kollha li jsofru l-konsegwenzi tal-ħażen tat-terroriżmu.
Wara l-11 ta' Settembru d-dinja ma baqgħetx l-istess. B'riżultat ta' dak li ġara, sofriet l-ekonomija dinjija, ekonomija dejjem iżjed interdipendenti; sofrew dawk l-eluf li tilfu ħajjithom, u dawk il-ħafna iżjed li tilfu l-għixien tagħhom.
Irrealizzajna, forsi iżjed minn qatt qabel, li qed ngħixu f'dinja globalizzata fejn dak li jiġri eluf ta' mili 'l bogħod minn xtutna jħalli riperkussjonijiet u effetti fuqna wkoll. Irrealizzajna li ebda pajjiż, żgħir jew kbir, b'saħħtu kemm hu b'saħħtu, ma jista' jgħix waħdu.
Fi żmien il-Milied, niftakru f'kull min huwa vittma innoċenti ta' l-istorja;
Niftakru fil-vittmi tal-ġuħ u tal-faqar;
Niftakru fil-vittmi ta' l-inġustizzja;
Niftakru fis-sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha żewġ popli Mediterranei qraba tagħna: il-poplu Palestinjan u dak ta' l-iStat ta' l-Iżrael; żewġ popli li jgħixu ġenb ma' ġenb fl-Art Imqaddsa, li għadhom ma għarfux isibu soluzzjoni li twassal għal paċi tant mistennija f'din l-art tant martorjata.
L-awguri tagħna lkoll hu li s-sena li ġejja, id-dawl tal-paċi jingħata possibilità vera li jillumina l-ħajja ta' dawk il-ħafna li għadhom ma rawx u ma gawdewx mill-benefiċċji, mis-sigurtà, mill-ġid u l-prosperità tal-paċi.
Pajjiżna dejjem ikompli jagħti l-kontribut tiegħu għall-paċi kull fejn jista'.
Il-poplu tagħna jirrealizza fil-paċi u l-kooperazzjoni mal-ġirien tiegħu, u jagħraf fl-għaqda miegħu nnifsu, it-triq tar-risq u tal-progress.
Ix-xogħol tagħna lkoll hu li nkomplu nibnu soċjetà inklużiva u solidali, fir-rispett sħiħ tad-demokrazija, tad-drittijiet u d-doveri tagħna, sabiex insaħħu dejjem iżjed pajjiżna għall-benefiċċju tagħna u ta' wliedna.
Speċjalment lil min hu marid u muġugħ, lil min jinsab waħdu jew waħidha, lil min għaddej minn żminijiet diffiċli fil-ħajja personali tiegħu, bħala Kap ta' l-iStat, inwassal messaġġ ta' tama u solidarjetà.
Nawgura lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, kif ukoll lill-familji tagħkom, lit-tfal li tant isebbħulna ħajjitna, il-Milied it-tajjeb u sena ġdida ta' ġid, għaqda u paċi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN