Left arrow Go Back

MESSAĠĠ GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, DOTT. EDDIE FENECH ADAMI

pr1937
Date Icon 24/12/2001

Ħuti Maltin u Għawdxin,

Bħal daż-żmien sentejn ilu konna lkoll ħerqanin biex nilqgħu l-bidu tat-tielet millennju tal-Kristjaneżimu. Niftakar illi fil-messaġġ tiegħi lill-poplu Malti u Għawdxi jiena kont awgurajt li l-bidu ta' dan il-millennju, il-bidu ta' seklu ġdid, kien jawgura illi għad-dinja konna se ngħaddu minn perijodu ta' sliem, paċi u progress. Meta qed tagħlaq din is-sena - l-2001 - naħseb li lkoll ninsabu mħassbin, imħassbin minħabba dak li ġara fil-11 ta' Settembru fi New York u Washington. F'daqqa waħda d-dinja kollha nħasdet u lkoll bdejna nirrealizzaw li d-dinja għadha 'l bogħod milli tkun tista' tgħix f'perijodu ta' sliem u paċi. Ilkoll ħassejna li kulħadd għandu theddida quddiemu, theddida forsi mhux ġdida, pero' ġdida fil-forma tagħha.

Irrealizzajna li t-terroriżmu jista' jolqot lil kulħadd, huwa theddida għal kulħadd. Irrealizzajna wkoll li dak li jiġri fi New York, f'Washington, x'imkien ieħor fid-dinja, malajr ikollu effett, u effett ħażin, negattiv, fuq il-popli tista' tgħid kollha kemm huma. Naħseb illi fit-tmiem ta' din is-sena rridu nifhmu illi ħadd ma jista' jibqa' waħdu.

Fid-dinja tal-lum ilkol irridu nikkoperaw ma' xulxin u naħseb li deċiżjoni tajba kienet li wara dak li ġara fil-11 ta' Settembru, id-dinja kollha wegħdet illi kollha kemm aħna, għalenija, irridu nagħtu kontribut biex niġġieldu t-terroriżmu hu fejn ikun, fuq bażi lokali, fuq bażi internazzjonali. U naħseb irridu nkunu pożittivi meta nħarsu lejn il-ħajja u ngħidu 'sibna xi ħaġa oħra li tgħaqqadna - il-volonta' li naraw li t-terroriżmu ma jaħkem imkien'.

Din is-sena wkoll qegħdin intemmuha bi kriżi illi kompliet tiżdiet - il-kriżi tal-poplu tal-Palestina, il-kriżi bejn il-poplu tal-Palestina u Iżrael. Konna naħsbu illi ż-żmien tal-Milied li jfakkarna żgur fit-twelid ta' Kristu f'Betlem kien sejjer iġib il-paċi anki għal dawn il-popli, pero' qed intemmu din is-sena naraw li d-demm jixxerred f'Betlem u madwarha. L-awgurju naturalment tagħna huwa illi dawn il-popli jsibu paċi bejniethom, li dawn il-popli jiksbu d-drittijiet sħaħ tagħhom, li dawn il-popli wkoll jistgħu jgħixu fil-paċi.

Diġa' nafu illi l-messaġġ tal-Qdusija Tiegħu l-Papa għall-1 ta' Jannar huwa fuq il-paċi, il-ġustizzja u l-maħfra. Jgħidilna ma jistax ikun hemm paċi mingħajr ġustizzja, ma jistax ikun hemm ġustizzja mingħajr paċi. Nawguraw illi fil-Medjo Orjent, fil-Palestina, f'Iżrael, tirritorna l-paċi, il-paċi illi lkoll tant nixtiequ.

Naturalment irridu nagħtu ħarsa wkoll lejn pajjiżna - kif morna din is-sena. Minkejja diffikultajiet, per eżempju diffikultajiet li ġejjin mill-fatt illi l-ekonomija internazzjonali ħadet daqqa 'l isfel, anke qabel il-11 ta' Settembru, u wisq aktar wara, aħna rnexxielna illi nibqgħu mixjin 'il quddiem. Naturalment ilkoll xtaqna li mxejna aktar b'ritmu aktar qawwi, aktar imgħaġġel, pero' żgur li ma nistgħux ingorru li pajjiżna ma rnexxilux jimxi 'l quddiem. Anzi, rajna n-numru tan-nies jaħdmu f'pajjiżna jiżdied, rajna n-numru tan-nies jirreġistraw għax-xogħol jonqos u naħseb li nista' ngħid li l-karatteristika ewlenija tal-poplu Malti din is-sena kienet waħda ta' kuraġġ. Mhux li ma hemmx problemi, imma li bil-ħila tagħna l-problemi kapaċi aħna nirbħuhom. Irridu nħarsu 'l quddiem. Ma nistgħux noqogħdu waħedna. Jiena għadni ġej, kif tafu, ftit ġranet ilu, mil-laqgħa ta' Laeken, fil-Belġju, fejn iltaqgħu l-Membri ta' l-Unjoni Ewropea - konna mistednin aħna wkoll bħala pajjiż applikanti. L-Unjoni Ewropea qed taħseb biex ikollha kostituzzjoni tagħha. Xi ħaġa, jiġifieri, illi ġġib il-popli membri aktar magħqudin flimkien u jafu kif se jaħdmu. Xi ħaġa li tinteressa mhux biss lill-membri attwali ta' l-Unjoni Ewropea, mhux biss lil dawk li jixtiequ jidħlu fl-Unjoni Ewropea, imma hija l-futur ta' ħafna popli. Kif se timxi din l-Ewropa? Jiena kelli l-okkażjoni nitkellem u qed nieħu pjaċir li Malta se tipparteċipa f'dik li qed tissejjaħ il-Konvenzjoni dwar il-Futur ta' l-Ewropa. Kif se tibqa' tinbena l-Ewropa? U jiena għamilt żewġ punti.

Jien qed nawgura li l-Ewropa tkompli tfisser żewġ affarijiet. Li l-Ewropa tkun mibnija fuq żewġ kolonni - il-kolonna tas-solidarjeta' u l-kolonna tas-sussidjarjeta'. Solidarjeta' tfisser li kull wieħed minna huwa responsabbli għal kulħadd. L-Unjoni Ewropea trid li jkun hemm is-solidarjeta' f'kull pajjiż, bejn il-pajjiżi membri, u anke lil hinn mill-pajjiżi membri. L-Unjoni Ewropea, għidt jien, għandha tagħti importanza qawwija lill-prinċipju tas-sussidjarjeta', jiġifieri li tistma lil kull poplu. Li tiżgura li kull poplu jżomm l-identita' tiegħu. Naturalment jekk Malta tidħolx fl-Unjoni Ewropea jew le għad irid jiddependi mill-volonta' tal-poplu Malti u Għawdxi. Pero' jinteressana x'se tkun l-Ewropa fil-ġejjieni, kemm jekk nidħlu, kemm jekk ma nidħlux.

L-awgurju tiegħi huwa li l-poplu Malti jkompli jsegwi b'entużjażmu dak li qed jiġri madwarna. Jinteressana, jinteressana mill-qrib.

Qegħdin fi żmien il-Milied - iż-żmien ta' l-hena, iż-żmien tal-ferħ, iż-żmien ta' paċi fil-familji tagħna, u nħossni verament kburi li għal darba oħra nidħol fi djarkom u ppermettuli mingħajr distinzjoni, b'qalbi miftuħa għal kulħadd nawguralkom sliem, nawguralkom illi jkollkom ilkoll Milied ħieni, partikolarment fil-familji tagħkom, u nawguralkom riżq u hena għas-sena li ġejja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow