PREZENTAZZJONI TA' FLUS LIL DIVERSI GĦAQDIET TAL- VOLONTARJI U ISTITUTI TAL- KARITÀ
Dalgħodu, il-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni, l-Onor. Censu Galea qassam diversi cheques lil għoxrin għaqda volontarja jew istituti tal-karità li hawn jaħdmu f`dawn il-gżejjer.
Dawn il-flus ġejjin mill-ammont addizzjonali li jkun hemm fuq il-bolli tal-Milied li kull sena joħorġu mill-Posta ta' Malta.
Il-Ministru Galea, f'diskors qasir li għamel qabel ippreżenta ċ-cheques appella lil pubbliku Malti biex jixtri l-bolli tal-Milied, għax barra li jkun qiegħed jinqeda hu waqt li jkun jagħmel uzu mill-posta, ikun qiegħed jgħin ukoll lill-istituzzjonijiet bħal dawn li llum qed jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet biex ikomplu ikattru l-ħidma tagħhom. Hu qal li din id-drawwa li jiġu mgħejuna dawk l-aktar fil-bżonn għandha tibqa' aktar u aktar fiz-zmien tal-Milied. Hu għalhekk li l-Posta ta' Malta tagħmel valur addizzjonali mal-prezz tal-bolli tal-Milied, għax b'hekk fi spirtu nisrani nkunu nferrħu lil dawk inqas ixxurtjati minna.
L-ammont li tqassam din is-sena li ġej mis-set ta' bolli tal-Milied li ħareġ fis-sena 2000 hu Lm2767 li hu Lm300 aktar minn daw li tqassam is-sena l-oħra.
Fost dawk li bbenefikaw din is-sena, hemm diversi istituti tas-sorijiet ta' l-Ursolini, istituti oħra tat-tfal immexxijin minn diversi ordnijiet reliġjużi, id-Dar tal-Providenza u Dar il-Kaptan kif ukoll diversi għaqdiet volontarji li jaħdmu b'risq persuni b'diżabilità u għall-ewwel darba d-Day Centre ta' San Gużepp taż-Zejtun u Dar Merħba Bik.
Għal din il-preżentazzjoni kienu preżenti l-Bord li jieħu ħsieb it-tqassim ta' dawn il-flus, id-Direttur tad-Djar tal-Knisja, rappreżentanti tal-Maltapost plc, kif ukoll diversi rappreżentati ta' dawk li ibbenefikaw minn dawn l-għotjiet.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN