L-EDUKAZZJONI FIL-ĦAJJA TAL-BIDWI
Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, Ninu Zammit ħeġġeġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li beħsiebhom jieħdu l-biedja jew is-sajd bħala l-mistier tagħhom biex, sakemm hu possibbli għalihom, jibqgħu jsegwu t-tagħlim għaliex bil-mod kif qed tiżviluppa d-dinja dak li jitgħallmu llum se jibqgħu jsibuh ta' użu tul ħajjithom kollha.
Il-Ministru Zammit kien qed ikellem lill-istudenti li qed jattendu l-Iskola tal-Biedja fl-Għammieri, fl-okkażjoni tal-għoti tal-premjijiet lil dawk l-istudenti li ddistingwew ruħhom fl-istudji tagħhom. Hu fakkar li, permezz ta' l-Iskola tal-Biedja, madwar 50 student fis-sena qed jingħataw l-opportunità li mhux biss ikomplu bl-edukazzjoni sekondarja tagħhom iżda wkoll li jingħataw tagħlim f'diversi suġġetti marbuta mal-biedja, bħalma huma xjenza agrikola, ortikoltura, afforestazzjoni, biedja organika u suġġetti oħra ta' interess. Barra minn hekk, fi tmiem l-istudji tagħhom f'din l-iskola, huma jistgħu jidħlu fl-Extended Skilled Training Scheme tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, li twassalhom biex jiskbu l-Journeyman Certificate.
Il-Ministru Zammit qal li llum qed jinħolqu ħafna opportunitajiet ġodda għal min irid li jkun aktar professjonali u effiċjenti fix-xogħol tieħu. Dan jgħodd ukoll għas-settur tal-biedja, fejn anki bl-għajnuna tal-Gvern, bdiewa u raħħala qed ikollhom l-opportunità jsiefru bi skop edukattiv biex isiru jafu sistemi u metodu ġodda ta' produzzjoni. Hu semma li matul din is-sena ntbagħat numru ta' bdiewa għal taħriġ u pariri tekniċi dwar tilqim u żbir ta' siġar tal-frott, żebbuġ u dwieli.
Hu qal li opportunitajiet bħal dawn, li jistgħu jkomplu jiżdiedu ferm aktar bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, jikkonfermaw il-ħtieġa li anki min jidħol fil-biedja llum għandu jibqa' jitgħallem biex ikun jista' jikkomunika anki ma' barranin u jifhem faċilment l-iżvilupp ġodda li qed iseħħu fil-qasam tal-biedja. Il-Ministru Zammit awgura li l-Iskola tal-Biedja tibqa' tkun ta' servizz għal ferm aktar studenti-bdiewa li jridu jibqgħu jitgħallmu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN