Left arrow Go Back

MIŻURI PRATTIĊI BIEX INNAQQSU L-ISKART: Punti minn diskors li l-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech għamel meta nieda kampanja minn Smart Supermarket Ltd li għandha l-għan li tintroduci mill-ġdid basktijiet tax-xiri li jintużaw aktar minn darba

pr1834
Date Icon 04/12/2001

Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li f'kull dar inżommu reċipjent għall-iskart. L-iskart minn dawn ir-reċipjenti jinġabar mill-iscammels u jittieħed parti biex jinħadem f'compost fl-Impjant ta' Sant'Antnin u parti jinġarr lejn il-Magħtab. Hu qal li l-Magħtab hi r-recipjent ta' l-iskart tal-poplu Malti kollu u tigbor fiha madwar 1.5 miljun tunnellata ta' skart fis-sena.

Francis Zammit Dimech fakkar li l-Gvern għandu pjani biex fis-sena 2004 jagħlaq il-miżbla tal-Magħtab f'Malta u dik Tal-Qortin f'Għawdex biex wara jirriabilitahom. Il-Ministru għall-Ambjent qal li f'dawn il-jiem kien hawn Malta Dr Robert Holmes, espert fi tniġġiż ta' l-art u dwar riskji li jista' jkun hemm fl-art. Kemm dam Malta dan spezzjona s-siti tal-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija biex jiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa ħalli jipprepara t-terms of reference għal investigazzjoni dettaljata tas-sit u risk assessment. Wara jitħejja kuntratt biex isir dak li qed jitqies bħala X-Ray tal-miżbliet biex ikun magħruf x'fihom qabel jiġi deċiż x'se jsir minnhom. Dan ir-rapport għandu jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f'dak kollu li nagħmlu biex nimmaniġġjaw aħjar l-iskart f'pajjiżna rridu nżommu quddiemna t-tliet prinċipji ewlenin tat-3Rs, reduce, re-use, recycle - jiġifieri li nnaqsu l-ammont ta' skart li nipproduċu, li nużaw mill-ġdid dak kollu li jista' jerġa' jintuża u li nirriċiklaw dak l-iskart kollu li jista' jkun riċiklat.

Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li kien hemm żmien meta x-xirja kienet isir f'qoffa jew xi baskett taċ-ċarruta. Biż-żmien daħal il-plastik u llum kulmin imur jixtri jippretendi li jingħata boros u basktijiet tal-plastik kemm ikun jeħtieġ. L-inizjattiva li qed jieħu l-management ta' Smart Supermarket li jaghti fabric bag lil kulmin jonfoq ċertu ammont hi waħda ta' min jinkorraġiha għaliex se tgħin biex nilħqu wieħed mill-prinċipji elenkati aktar 'l fuq, dik li nirriduċu l-iskart li nipproduċu.

Il-Ministru qal li d-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart kien qed jieħu inizjattivi bl-iskop li l-iskart jintagħżel qabel ma jiddisponu minnu. Il-Ministru qal li bħala bidu f'tarf il-ġimgħa se jibdew jitqiegħdu skips għal tipi differenti ta' skart f'postijiet ffrekwanti ħafna min-nies. Dan l-esperiment se jibda f'Kennedy Grove, Ta' Qali, Qui Si Sana u Marsaxlokk fejn se jitqiegħdu skips għad-disponiment separat ta' metal u ħġieġ. Hu qal li l-istess dipartiment kien se jerga' jintroduci s-separazzjoni mid-djar ta' skart fil-lokalitajiet ta' Pembroke u Marsascala. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-iskop wara dawn l-inizjattivi hu li l-poplu jsir aktar konxju mill-importanza li nirriducu u nagħżlu l-iskart b'mod li jista' jiġi riċiklat jew użat mill-ġdid. Hu qal li 'l quddiem dan l-esperiment se jiġi estiż għal lokalitajiet oħra sakemm l-iskart kollu tad-djar jiġi separat qabel jinħareġ biex jittieħed mill-kolletturi.

Il-Ministru ghall-Ambjent qal li jkun kollu għalxejn li l-Gvern jivvota l-flus biex jieħu inizjattivi ġodda favur l-ambjent jekk il-poplu ma jikkoperax. Francis Zammit Dimech qal li kien ghalhekk li nhasset il-htiega li jsiru kampanji ta' taghlim ambjentali fost it-tfal. Hu qal li l-Ministeru, permezz tal-Club Xummiemu, digà kien qed jilhaq madwar 25,000 tfal fl-iskejjel. Qal li kampanji bħal dawn jeħtieġ li nsaħħuhom u naġġornawhom biex jimxu pass, pass mal-mixja li l-pajjiż jagħmel fil-qasam ambjentali.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja mill-ġdid lill-management ta' Smart Supermarket għall-inizjattiva li kien qed jieħu u ħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti sehmu ħalli nnaqqsu l-volum ta' l-iskart u biex fid-disponiment ta' l-iskart mid-djar nassiguraw li jittieħdu dawk il-miżuri kollha biex ma jkunx hemm ħsara ambjentali

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow