Left arrow Go Back

WIRJA DWAR IL-KULTURA MALTIJA FL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-BNIET MARIA GORETTI TA’ ĦAL TARXIEN

pr1815
Date Icon 30/11/2001

L-istudenti ta' l-iSkola Sekondarja tal-bniet Maria Goretti, ta' Ħal Tarxien, mgħejjuna mill-għalliema ta' l-iStudji Soċjali, tellgħu Wirja dwar il-Kultura Maltija.

Il-Wirja hi marbuta mas-sillabu ta' l-iStudji Soċjali, li jittratta l-kulturi differenti madwar id-dinja, fosthom bħal drawwiet, tradizzjonijiet u snajja', li jiffurmaw l-identità ta' poplu. Fil-Wirja l-istudenti qed jesibixxu proġetti dwar aspetti diversi tal-Kultura Maltija fosthom: ir-Religjon, is-snajja, is-sajd, l-ilbies tradizzjonali, l-ikel, il-ħelu u x-xorb Malti, il-ħanut tax-xorb tar-raħal, ix-xogħol ta' granutell u bizzilla, u l-għana lokali.

Kull proġett ippreżentat se jkun assessjat u aktar tard jingħataw ċertifikati lil kull studenta li ħadet sehem fil-wirja. Se jingħataw ukoll premji għall-aħjar proġett, għall-preżentazzjoni tal-proġett u għall-oriġinalità.

Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, li nawgura din il-wirja rringrazzja lill-kap ta' l-iskola, Ms. Angela Callus u l-għalliema tagħha għall-inizjattiva u għall-entużjażmu li qed joħloqu fl-iSkola Sekondarja Maria Goretti. Il-Ministru qal li l-iskola qed tagħmel xogħol siewi ħafna biex toffri l-aħjar opportunitajiet għat-tagħlim, tiżviluppa l-potenzjal ta' l-istudenti u tħejji kemm jista' jkun lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol.

Għall-Ministru Louis Galea hu essenzjali li l-istudenti Maltin ikunu jafu sew dwar il-kultura Maltija u dwar dak li jagħmilna Maltin. Biex wieħed jifhem dan irid ikun jaf x'inhuma l-għeruq tagħna, x'jiddistingwina minn kulturi oħra u b'mod partikolari in-nisel tal-lingwa tagħna. Madankollu, hu daqstant importanti nifhmu l-kulturi barranin, b'mod speċali l-kulturi tal-pajjiżi ġirien tagħna, fir-reġjun Ewro-Mediterranju. Aktar ma nkunu nafu dwar il-kulturi tal-pajjiżi ta' madwarna, aktar inkunu nistgħu noħolqu ħbiberija, kommunikazzjoni u negozju bejn il-pajjiżi. Dan jagħmel aktar sens hekk kif naraw id-dinja issir aktar globalizzata, fejn l-iżvilupp soċjo-ekonomiku qiegħed dejjem aktar jiddependi mill-kapaċità tal-pajjiżi li jikkomunikaw bejniethom.

Il-Ministru faħħar ukoll inizjattivi oħrajn li qed tieħu l-istess skola biex tinkoraġġixxi lill-istudenti jieħdu sehem f'disskussjonijiet pubbliċi, fejn jingħataw l-opportunità jesprimu fehemthom quddiem udjenza. Il-Ministru tenna li l-istudenti għandhom jipparteċipaw b'mod dinamiku fl-istrutturi ta' tmexxija, bħall-Kunsill ta' l-iStudenti ta' l-istess skola biex b'hekk ikomplu jsaħħu l-proċess ta' demokratizzazjoni fl-iskejjel. Il-Ministru temm jgħid li esperjenzi bħal dawn ikomplu jsaħħu l-karattru ta' l-istudenti u jagħtuhom għodod essenzjali għad-dinja tax-xogħol u għall-ħajja wara l-iskola.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow