FESTIVAL TA' KULTURI TA' GŻEJJER EWROPEJ F'KORSIKA
- Il-Kor Gaulitanus lura b'suċċess
Il-Kor Għawdxi Gaulitanus għadu kemm wasal lura minn Korsika fejn ipparteċipa fit-tieni edizzjoni tar-Rencontres Musicales de Mediterranée bħala parti mill-Festival ta' Kulturi ta' Gżejjer Ewropej, din id-darba fil-Korsika. Il-Kor, taħt it-tmexxija tad-Direttur tiegħu, is-Surmast Colin Attard, kienu milqugħ tajjeb ħafna mill-organizzaturi u l-poplu ta' Bastia, il-belt kapitali tan-naħa tan-Nord ta' Korsika.
L-ewwel impenn tal-Kor kien fil-Knisja ta' l-Immakulata Kunċizzjoni f'Bastia. Il-Kor ippreżenta mużika ta' kompożituri Maltin u Għawdxin. L-ewwel parti tas-serata kienet iddedikata għall-mużika sagra, waqt li t-tieni parti għall-mużika profana.
Il-Kor kanta wkoll waqt il-Quddiesa prinċipali tal-Ħadd fil-parroċċa ta' Saint Jean Baptiste ta' Bastia. Għal din l-okkażjoni, il-Kor Għawdxi kien onorat wkoll bil-preżenza tal-President ta' Korsika, l-Onor. Jean Baggioni u s-Sinjura Baggioni. Qabel l-omelija, il-Kappillan, Padre Valeri rringrazzja lill-Kor, tkellem dwar Malta u għamel referenza għall-bullettin tal-Ħadd fejn b'sinjal ta' rispett lejn il-Maltin kien hemm meditazzjoni dwar il-miġja ta' San Pawl f'Malta, meħuda mill-Atti ta' l-Appostli.
Flimkien mal-parteċipanti l-oħra minn Spanja, il-Greċja, l-Italja, il-Marokk, it-Tuneżija, it-Turkija u Korsika, il-Kor Għawdxi ħa sehem fis-serata di gala li saret fit-Teatru Muniċipali ta' Bastia. Il-Kor Gaulitanus kien l-uniku kor li pparteċipa, u ppreżenta 4 biċċiet. Akkumpanjat minn orkestra magħmula mill-parteċipanti kollha, il-kor esegwixxa Perche Cantu tal-kompożitur magħruf Korsikan, Jean Paul Ponetti li wera wkoll apprezzament kbir lejn il-kor u s-Surmast Colin Attard. Fil-fatt, is-Surmast Attard kien mitlub biex jikkonċerta u jidderieġi din il-kompożizzjoni.
F'Korsika, il-Kor Gaulitanus ingħata pubbliċità kbira mill-mezzi ta' komunikazzjoni. It-TV reġjonali France-Course 3 saħansitra ffilmja l-provi u xandar l-avvenimenti waqt l-aħbarijiet. Joe Camilleri mill-Kunsill tal-Kultura tal-Ministeru għal Għawdex u s-Surmast Attard kienu ntervistati minn Valeria Franceschetti waqt programm kulturali dirett fuq Radio Cors. Il-Kor Gaulitanus ingħata pubbliċità wkoll b'referenzi u b'artiklu sħiħ illustrat li deher fil-gazzetta popolari ta' kuljum Cors-Matin, l-għada tal-kunċert ta' mużika Maltija.
Il-Kor Għawdxi, flimkien mal-parteċipanti l-oħra, kellu laqgħa wkoll mal-Prefett ta' Korsika, l-Onor. Christian Sapede u ma' rappreżentanti tad-Dipartimento tan-Nord. Joe Camilleri għamel diskors ta' l-okkażjoni fejn fost affarijiet oħra wassal il-ħajr tal-Ministeru għall-merħba li ngħata l-kor u t-tislijiet u x-xewqat tajba tal-Ministru ta' Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, lill-organizzaturi u lill-poplu kollu ta' Korsika.
Għall-kor Gaulitanus din kienet il-ħames darba li ħalla xtutna, u t-tieni darba din is-sena wara li f'Ġunju kien ipparteċipa fl-ewwel edizzjoni tal-Festival of European Islands Cultures li sar f'Lefkada, il-Greċja. Dak inhar, il-Kor li kien taħt it-tmexxija ta' Colin Apap, kien qata' wkoll figura tajba meta interpreta bċejjeċ folkloristiċi Maltin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN