FTEHIM BEJN IL-KOOPERATTIVI TAS-SAJD DWAR IL-BEJGĦ TAT-TONN
Fil-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd illum kien iffirmat ftehim bejn iż-żewġ kooperattivi tas-sajd - il-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-Għaqda Kooperattiva tas-Sajd Ltd - dwar il-bejgħ tat-tonn fl-istaġun tas-sena d-dieħla.
Il-ftehim kien iffirmat minn uffiċjali taż-żewġ kooperattivi fil-preżenza tal-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit u tad-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura Anthony Gruppetta, li f'dawn l-aħħar ġimgħat flimkien kienu involuti f'ħidma ma' diversi sajjieda oħra biex seta' jintlaħaq dan il-ftehim.
Permezz ta' dan il-ftehim, iż-żewġ kooperattivi ftehmu li għall-istaġun li ġej joħorġu flimkien sejħa waħda għal offerti f'isem is-sajjieda kollha. F'diskors li għamel ma' l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru Zammit fakkar li mindu beda jkun esportat it-tonn fil-bidu tas-snin disgħin il-Gvern kien beda kull sena joħroġ f'isem is-sajjieda kollha sejħa waħda għal offerti dwar il-bejgħ tat-tonn. Dan sar bl-iskop, fost l-oħrajn, li jkun hemm prezz garantit għas-sajjieda.
Hu qal li s-sena li għaddiet, waħda mill-kooperattivi talbet li s-sejħa għal offerti toħroġha hi, iżda din it-talba waslet għal xi diżgwid fl-operat tal-proċess kollu tal-bejgħ tat-tonn. Il-Ministru Zammit esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-isforzi li saru f'dawn l-aħħar xhur wasslu biex iż-żewġ kooperattivi tressqu qrib xulxin u biex mis-sena d-dieħla tinħareġ tender waħda miż-żewġ kooperattivi flimkien li tkun tkopri lis-sajjieda kollha.
Filwaqt li stqarr li dan il-pass se jkun ta' benefiċċju kbir għas-sajjieda nfushom, hu faħħar l-għaqal u d-determinazzjoni li wrew is-sajjieda f'din il-materja. Hu qal li l-bejgħ u l-esportazzjoni tat-tonn iħallu dħul kbir għall-istess sajjieda.
Il-Ministru Zammit awgura li dan il-ftehim iwassal ukoll biex fl-istaġun li jmiss is-sajjieda jkollhom staġun tat-tonn mill-aqwa. Awgura wkoll li l-kooperattivi jibqgħu jimxu ma' l-ispirtu ta' dan il-ftehim u kooperazzjoni anki fl-istaġuni ta' wara.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN