Left arrow Go Back

IL-PROĠETT TAL-'CRUISE PASSENGER TERMINAL'

pr1763
Date Icon 23/11/2001

Għal aktar minn sentejn, permezz tal-Ministru għall-Ambjent, Francis Zammit Dimech, saru negozjati mal-konsorzju VISET biex kien iffinalizzat il-kuntratt f'kull dettal tiegħu. Skond il-proċedura stabbilita mill-Gvern preżenti rigward trasferimenti ta' l-art, il-Ministru għall-Ambjent ippreżenta mozzjoni għall-approvazzjoni ta' l-istess kuntratt billi bagħat din il-mozzjoni lill-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati flimkien mad-dokumenti kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-istess mozzjoni. Id-dokumenti kollha kienu mgħoddija lill-Kumitat tal-Kamra dwar il-Verifika tal-Kontijiet Pubbliċi, li għamel eżami dettaljat u metikoluż ta' kull ma kien propost. Il-mozzjoni dwar it-trasferiment ta' l-art għaddiet mill-Parlament f'Lulju 2001. Fit-22 ta' Novembru 2001 kien iffirmat il-kuntratt dwar it-trasferiment ta' l-art mill-Gvern lill-konsorzju VISET.

L-iżvilupp ta' dan il-proġett jinvolvi investiment mill-konsorzju VISET ta' minimu ta' Lm10 miljun. Il-Gvern se jingħata mill-konsorzju Lm1,200,000 f'ishma preferenzjali, li fuqhom il-konsorzju se jħallas 10 fil-mija f'dividends, kif ukoll 17.5 fil-mija mill-qligħ wara t-taxxa meta jinqabeż ċertu ammont ta' qligħ.

Barra minhekk il-Gvern se jitħallas ċens ta' Lm240,000 fis-sena li tkun riveduta fil-bidu tal-14-il sena billi tiżdied b'20 fil-mija jew b'ammont li jiddependi minn kemm jogħla l-Indiċi tal-Prezzijiet, liema jkun l-ogħla. Iċ-ċens wara jibqa' jkun rivedut b'dan il-mod kull ħames snin. Il-konsorzju jrid iħallas lill-Gvern kull sena 15 fil-mija mill-kera ta' bini u faċilitajiet u 10 fil-mija mid-dħul li jkollu mill-passiġġieri u l-operazzjoni tal-cruise liners.

Iċ-ċens ta' l-art li fuqha se jsir il-proġett se jkun għal 65 sena u ma jinkludix il-mollijiet, il-Kappella u s-substation ta' l-elettriku. Dan hu l-ewwel kuntratt ta' din l-entita' li fih il-Gvern se jipparteċipa mill-profitti tal-kumpannija.

Il-konsorzju ntrabat li:


· jiżviluppa Cruise Liner Passenger Terminal u International Sea Passenger Ferry Terminal

· jirrestawra u jiżviluppa mill-ġdid il-bini qadim li hemm fuq is-sit li se jingħata b'ċens. Dan ir-restawr jinkludi il-bini magħruf bħala Pinto Stores, Forni Stores u l-Power Station il-Qadima. Il-konsorzju ntrabat ukol li jibni mill-ġdid il-faċċati ta' Pinto Stores li hemm imwaqqa'.

· jibni triq ġdida li tgħaqqad il-belt Valletta mal-Marsa li tgħaddi minn wara Pinto Stores. Din it-triq tieħu post dik eżistenti u darba titlesta tgħaddi għand il-Gvern flimkien ma' l-inħawi fuqha u taħtha .

· jibni bini alternattiv għall-uffiċji tad-Direttorat tal-Port fi ħdan l-Awtorita' Marittima u uffiċji oħra relatati mal-port.

· jagħmel ix-xogħol kollu permanenti u li jkun neċessarju fuq il-mollijiet biex ikunu operati t-terminals.

· jagħmel dak il-landscaping neċessarju biex ikun hemm aktar enfasi fuq dawk l-partijiet speċjali ta' interess.

· jibni post alternattiv għal dawk l-ażjendi li se jkunu effettwati mill-proġett.


Il-Cruise Passenger Terminal se jkun fil-Power Station il-Qadima filwaqt li Pinto Stores se jintużaw għal faċilitajiet kulturali u ta' divertiment u Forni Stores għall-ħwienet.

Il-proġett kollu tal-Valletta Cruise Terminal se jieħu erba' snin biex jitlesta. Ix-xogħol ta' restawr, il-blokk biex jakkomoda terzi, il-car parks, l-uffiċji tad-Direttorat tal-Port fi ħdan l-Awtorita' Marittima kif ukoll il-faċilitajiet tal-moll iridu jitlestew fi żmien 18-il xahar. Il-Cruise Passenger Terminal u t-triq iridu jitlestew fi żmien sentejn filwaqt li l-aħħar sentejn għandhom ikunu dedikati għall-bini tal-ferry terminal, is-sala tal-bagalji u għall-bini li se jsir ġewwa Pinto Stores u Forni Stores.

Il-proġett tal-Valletta Cruise Terminal mhux biss se jqiegħed lil Malta fuq il-mappa tal-ġiti bil-baħar iżda se jagħti kontribut qawwi biex il-kapitali ta' pajjiżna terġa' tingħata il-ħajja. Dan il-proġett, flimkien ma' oħrajn li jkun wettaq l-istess Ministeru għall-Ambjent fil-belt kapitali tagħna, juru l-impenn tal-Gvern favur li jagħti ħajja ġdida u ta' l-ogħla kwalita' lil din il-belt li hi tagħna lkoll.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow