Left arrow Go Back

PROGRAMMI TA' GĦAJNUNA GĦAR-RIABILITAZZJONI TA' L-IBLIET

pr1642
Date Icon 07/11/2001

Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li fost is-soluzzjonijiet għan-nuqqas ta' djar fil-pajjiż kien hemm dik li jsir użu mill-eluf ta' djar vojta li hawn f'Malta, l-aktar fl-ibliet l-antiki u fil-qalba ta' l-irħula, u li jitwaqqgħu djar inabitabbli biex flokhom jitilgħu blokki ta' appartamenti moderni.

Francis Zammit Dimech qal dan waqt konferenza ta' l-ahbarijiet li matulha tnieda programm ta' registrazzjoni ta' art fi-Belt Valletta u fil-Kottonera. Il-Ministru sahaq li l-Gvern ħareġ diversi skemi biex jitranġaw djar qodma filwaqt li qed titħaddem ukoll skema biex jinbidlu galleriji ta' l-injam qodma u li jkunu fi stat ħażin u perikoluż. Hu qal li s-sena l-oħra d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali hareg offerti biex jinbidlu 31 minn dawn l-galleriji fil-belt Valletta, il-Floriana, il-Birgu u Bormla. Hu qal li 23 minnhom kienu fil-belt Valletta.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Gvern kien qiegħed iwettaq proġetti ta' tneħħija ta' slums. Qal li matul is-sena 2000, kien qed isir xogħol fuq ħames proġetti ta' tneħħija ta' slums, filwaqt li proġett ieħor beda jitwettaq. Minn dawn il-proġetti wieħed huwa fil-belt Valletta u tlieta f'Bormla.

Francis Zammit Dimech qal li l-Proġetti għar-Riabiltazzjoni tal-belt Valletta u l-Kottonera kienu qegħdin iwettqu diversi xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fuq bini qadim f'dawn l-ibliet, bl-iskop li jsir użu minn djar qodma għal ħtiġiet pubbliċi u soċjali.

Huwa fakkar li waħda mill-akbar problemi li jeżistu fil-belt Valletta, il-Floriana u fil-Kottonera kienet l-ammont sostanzjali ta' djar abbandunati. Il-Ministru għall-Ambjent qal li ma setax isir ippjanar sew għall-użu aħjar u l-użu sostenibbli tal-proprjeta' jekk ma tinġabarx l-informazzjoni bażika kollha dwar il-proprjetarji tal-bini u jekk dan il-bini hux fil-fatt abbandonat jew le.

Kien għalhekk li minn ħames snin ilu, l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, flimkien mar-Reġistru ta' l-Artijiet beda skema ta' reġistrazzjoni ta' proprjeta' fil-belt Valletta u l-Floriana. Issa dan il-proġett kien se jkun estiż għall-Kottonera fejn ukoll jeżistu l-istess problemi li hemm fil-belt Valletta u l-Floriana.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal biex issir din ir-reġistrazzjoni, l-Proġetti għar-Riabiltazzjoni tal-belt Valletta u l-Kottonera kienu se jagħtu appoġġ loġistiku u finanzjarju li tfassal wara diskussjonijiet twal anke mal-Koordinatur tal-VRP. Hu qal li kienu anke saru laqgħat mas-Sindki tal-ħames lokalitajiet involuti f'din l-iskema. Kull sid ta' proprjetà li juri interess li jirreġistra t-titolu għall-proprjetà jibbenefika minn skema ta' sussidju.

Dr. Zammit Dimech qal li l-Ministeru għall-Ambjent qed jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lil dan il-proġett għax kien jemmen bis-sħiħ fl-importanza ta' l-ibliet storiċi ta' pajjiżna u l-bini li hemm fihom. Hu qal li kien essenzjali li tinġabar l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proprjetà li tinsab fil-konfini tal-Kunsilli Lokali tal-belt Valletta, Floriana, Bormla, Birġu u l-Isla. Huwa jqis dan il-pass bħala wieħed importanti ħafna fil-preparazzjoni tal-Master Plan għal dawn il-lokalitajiet.

Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għall-Ambjent kien diġà ħareġ sejħa għall-offerti għall-Master Plan tal-Kottonera li hu stmat li se tiswa aktar minn Lm100,000. Qed isiru wkoll preparazzjonijiet biex ikun hemm ukoll Master Plan tal-belt Valletta.

Ir-registrazzjoni tal-proprjetà, kif ukoll il-Master Plan kienu l-għodda l-aktar importanti fil-preparazzjoni ta' programmi ta' ħidma ta' titjib u ta' ri-abilitazzjoni ta' dawn l-inħawi storiċi u importanti.

Il-Ministru ghall-Ambjent qal li kien il-Gvern preżenti li waqqaf il-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta u tal-Kottonera. Kien l-istess Gvern li ta' kull sena, ivvota dawk il-flejjes li jiflaħ jinvesti l-pajjiz f'dawn il-proġetti. Hu assigura li l-Gvern preżenti se jkompli bil-ħidma ta' riabilitazzjoni, għaliex jemmen li r-residenti ta' dawn il-lokalitajiet jixirqilhom jgħixu fl-aħjar ambjent u kundizzjonijiet u għaliex kien ċert li dawn l-ibliet qodma huma ta' attrazzjoni għall-Maltin kollha u għat-turisti li jiġu jżuruna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow