Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GHAS-SERVIZZI EKONOMIĊI, WAQT IL-PRESENTAZZJONI TA' PJAN TA' ĦIDMA 2001 TAL-KUNSILL MALTI GHALL-ARTIĠJANAT LILL-PRESIDENT TA' MALTA, L-E.T. PROF. GUIDO DE MARCO

pr1596
Date Icon 30/10/2001

Eċċellenza,

Huwa ta' sodisfazzjon għalija li nippreżentalek il-membri tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat. Dan il-Kunsill ġie mwaqqaf b'liġi bil-ħsieb li jġib 'il quddiem l-interess, l-apprezzament, il-promozzjoni u regolament kostanti ta' l-artiġjanat Malti fost is-setturi kollha tal-komunita'.

Għidt li jiena sodisfatt li qed nippreżentalek dan il-Kunsill għaliex il-membri tiegħu ġejjin minn diversi Ministeri u minn għaqda kostitwita, il-G.R.T.U., u waslu biex fl-inqas żmien possibbli jipprezentaw Pjan ta' Ħidma bi 17-il inizjattiva maħsuba proprju biex iġibu 'l quddiem l-interess, il-promozzjoni u l-apprezzament ta' l-artiġjanat Malti.

Bil-kelma 'Artiġjanat' il-Kunsill qiegħed jifhem l-aktar tifsira wiesgħa li jista' jkollha din il-kelma. B'din il-ħidma, l-kunsill qiegħed jagħti l-attenzjoni tiegħu fuq is-settur tas-self-employed u negozji żgħar li qegħdin involuti fil-proċess tal-manifattura li jinvolvi iżjed ħidma ta' l-id milli xogħol mekkaniku. Permezz ta' din il-viżjoni, dan il-Kunsill qiegħed jaħdem biex fuq kollox jara li l-prodott artiġjanali Malti jkun apprezzat u mibjugħ iżjed milli qiegħed ikun s'issa. Irridu nżidu l-bejgħ ta' l-artiġjanat fis-suq lokali kemm għall-konsumatur Malti kif ukoll għat-turist, iżda rridu nibdew naħdmu wkoll biex tizdied l-opportunita' ta' l-esportazzjoni. Huwa l-għan tal-Kunsill li jirsisti kulljum biex jagħmel dejjem iżjed sostenibbli lil kull artiġjan u mprenditur li jaqla' ħobżu minn dan in-negozju.

Kull artiġjan u mprenditur li jaqla' ħobżu min-negozju li jrid, bħall-Kunsill, jirsisti kuljum Fil-fatt, m'huwiex b'kumbinazzjoni li l-Programm ta' Ħidma tas-Segretarjat tiegħi li dalwaqt ser ikun ippreżentat lis-settur imprenditorjali jġib l-isem ta' "Negozji Sostenibbli".

Din hija l-isfida tagħna, li nwasslu dawn in-negozji, kemm ta' l-artiġjani u l-imprendituri li jirreġistraw mal-Kunsill, biex jiżviluppaw il-ħidma tagħhom biex tassew ikunu negozji sostenibbli. Il-kompetizjoni qed tiħrax, iċ-ċirkustanzi li fihom qed isseħħ il-kompetizzjoni fil-kummerċ qed tibdel radikalment il-mod ta' kif isir in-negozju. Ma jistax ikun li jibqa' jkollna negozji li ma jaħsbux kif jistgħu jkunu aħjar għada u kif ser itejbu l-kwalita' u l-effiċjenza tal-prodott jew servizz tagħhom. Il-Kunsill, fil-ħidma tiegħu, ser ikun qiegħed jagħmel preferenza ma' dawk li volontarjament jirreġistraw l-interess tagħhom li jkunu mgħejjuna. Il-ħidma tagħna hija mifruxa għal kulħadd, iżda rridu naraw li biex inkunu effettivi niffokaw fuq min jinteressaħ itejjeb il-prodott tiegħu u jinteressaħ jipparteċipa f'dan l-eżerċizzju.

Dan huwa programm ta' ħidma li jinkludi 17-il inizjattiva, li kollha huma maħsuba biex ikunu ta' għajnuna biex dan is-settur tal-manifattura u l-bejgħ ta' l-artiġjanat ikun aktar apprezzat u għalhekk aktar vijabbli. Qegħdin infittxu li nagħtu din l-għajnuna għaliex il-Gvern jemmen li dan huwa settur li minkejja żgħir għandu potenzjal biex igħin fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.

Dan il-pjan ta' ħidma mhuwiex biss ġabra ta' inizjattivi b'risq min huwa nvolut fil-proċess tal-manifattura u l-bejgħ ta' l-artiġjanat. Huwa proċess fuq kollox li ser jgħaqqad flimkien kemm lil dawk li volontarjament jagħżlu li jissieħbu f'din l-esperjenza, kif ukoll lil dawk li huma responsabbli minn teħid ta' deċiżjonijiet. Ħadd ma huwa eskluż mill-benefiċċji ta' din il-ħidma. Kulħadd qed ikun imsejjaħ jersaq u juri l-impenn tiegħu biex dan il-proċess ikun wieħed ta' kordinazzjoni u sħubija bejn il-Gvern u l-intrapriza privata.

Nawgura li inti, Eċċellenza, jkollok l-opportunita li ssegwi l-ħidma tagħna. 'Il quddiem għad tkun mistieden biex tipparteċipa aktar fil-qrib f'attivitajiet li qed ikunu maħsuba. Il-preżenza tagħna f'darek, biex ngħid hekk, hija għalina ċertifikat ta' l-għarfien tiegħek għal din il-ħidma. Hija x-xewqa tagħna bħala poplu li l-artiġjanat Malti jkun aktar apprezzat, mixtri u mgħejjun jiżviluppa.

Filwaqt li nirringrazzjak li għoġbok tiltaqa' magħna, nawgurawlek ħidma fejjieda b'risq l-iżvilupp tal-kwalita' tal-ħajja tal-poplu tagħna u nwegħduk li nagħmlu ħilitna biex dan il-poplu tagħna noffrulu fis-suq artiġjanat li jagħmlu kburi li huwa artiġjanat Malti u li jkun ukoll kburi li għandu patrimonju tassew imprezabbli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow