Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DR. LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAHHA, FIL-FTUH TA' KONFERENZA ORGANIZZATA MID-DIPARTIMENT GHALL-KURA PRIMARJA BIT-TEMA: "ASSESSING THE HEALTH NEEDS WITHIN THE MALTESE COMMUNITY"

pr1567
Date Icon 25/10/2001

Sinjuri nixtiqilkom il-jum it-tajjeb. Ilqajt bi pjaċir l-istedina biex niftaħ din il-konferenza li se tiddiskuti l-assessjar tal-ħtiġijiet tas-saħħa fil-komunità.

L-assessjar tal-ħtiġijiet tas-saħħa hu l-pedament li fuqu għandha tkun msejsa l-ħidma l-oħra kollha tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, il-politiċi u kull persuna li x-xogħol tagħha hu mmirat lejn il-kisba ta' stat ta' saħħa aħjar għan-nies madwar id-dinja kollha. Dan hu li rridu nfissru meta nisħqu li l-pazjent jew il-klient għandu jkun iċ-ċentru ta' kull ħidma tagħna. Iżda ma jfissirx li kull xewqa jew stennija tal-pazjent hi leġittima u għandna nilqgħuha.

Quddiem domanda dejjem tiżdied u riżorsi limitati, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur tas-saħħa f'kull pajjiż għandhom id-dmir li jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jieħdu dwar policies ikunu bażati fuq l-evidenza.

L-asssessjar tal-ħtiġijiet tas-saħħa hi għodda b'saħħitha li tagħtina evidenza tal-b]onnijiet għall-ħarsien u għall-kura tas-saħħa. Hawn qiegħed nagħżel il-kelma, il-bżonn mhux id-domanda. Meta nitkellmu dwar il-bżonn jew ħtieġa għal ħarsien tas-saħħa, qegħdin nirreferu għal interventi relatati mas-saħħa li minnhom l-individwu jew is-soċjetà jistgħu jibbenifikaw. Importanti ħafna li nżommu kontinwament f'moħħna dan il-kunċett meta niddiskutu l-assessjar tal-ħtiġijiet fis-saħħa.

Hemm modi diversi kif l-assessjar tal-ħtiġijiet tas-saħħa jista' jsir f'livelli differenti. Il-qasam tal-kura primarja hu s-settur ideali sew għall-individwi kif ukoll għall-komunità kollha.

Il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jaħdmu fil-komunità, sew jekk jaħdmu fis-settur privat kemm jekk jaħdmu f'dak pubbliku, qegħdin il-ħin kollu jassessjaw il-ħtiġijiet individwali ta' kull klient. Qegħdin f'pożizzjoni li sikwit ikollhom iċ-ċans jagħmlu stima ħolistika tal-ħtiġijiet mediċi tal-pazjent speċjalment waqt visti fid-djar fejn l-element soċjali hu visibbli għall-aħħar. Għalhekk dawk kollha li jaħdmu f'dan il-qasam jinsabu f'pożizzjoni eċċellenti li jifhmu l-profil ta' saħħet il-pazjent billi dan hu kompost minn kundizzjonijiet fiżiċi, psikoloġiċi u soċjali.

Għalhekk nimtela bil-kuraġġ meta nara professjonisti fil-qasam tas-saħħa u ħaddiema relatati jiltaqgħu flimkien mar-rappreżentanti tal-komunità biex iħalltu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom minn perspettivi differenti.

Ġew studjati u rakkomandati numru ta' metodoli;iji differenti biex isir assessjar komprensiv tal-ħtiġijiet fis-saħħa. L-esperti f'dan il-qasam ġeneralment jaqblu li l-fehma u l-veduta ta' dawk li jipprovdu s-servizz u dawk li jirċevuh huma essenzjali. Għalkemm l-informazzjoni epidemjoloġika hi neċessarja ħafna, waħedha ma tagħtiniex il-kwadru sħiħ.

Konferenza bħal din li qiegħed jorganizza d-Dipartiment tal-Kura Primarja hija indispensabbli biex dawk li jipprovdu s-servizz, il-pazjenti u r-rappreżentanti tal-komunità jiltaqgħu biex iħalltu u jaqsmu l-veduti u l-ideat tagħhom dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-poplu Malti. Dan il-mod korporattiv li jlaqqa' flimkien l-ikbar numru possibbli ta' dawk involuti għandu jiżgura informazzjoni mill-iżjed wiesgħa li tista' tiġi utilizzata minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Is-saħħa primarja tiġi effettivament mħarsa u ndukrata meta dawk li jipprovdu s-servizz jaħdmu id f'id f'tim multidixxiplinarju flimkien ma' dawk li jirrapreżentaw is-soċjetà ċivili biex jiġu determinati l-ħtiġijiet li għandhom ikunu provduti. Il-kura primarja għandha rwol importanti biex tgħaqqad il-ħarsien tas-saħħa mal-ħarsien soċjali.

Aħna mdorrijin li nagħtu importanza esklusiva lill-kura mingħajr ma nqisu aspetti oħra. Iżda dawk kollha involuti għandhom id-dmir li jiżguraw li jagħtu priorità lil dawk is-soluzzjonijiet li huma l-iktar ekonomikament effettivi. Żgur li l-ħtiġijiet ta' gruppi differenti qegħdin jiġru wara l-istess riżorsi limitati. L-ekwità hi wkoll prinċipju fundamentali li rridu niżnu meta niġu biex nagħżlu u niddeċiedu.

Il-gvern tagħna jemmen bis-sħiħ li l-kura primarja hi l-kolonna ċentrali mhux biss biex nidentifikaw il-ħtiġijiet fis-saħħa iżda wkoll biex nirrimedjaw għal dawn il-ħtiġijiet b'mod ħolistiku. Għalhekk ninsabu fi proċess ambizzjuż biex nirridefinixxu l-irwol tas-servizzi mogħtija mit-tobba tal-familja biex niżguraw il-ħtiġijiet tas-saħħa fil-komunità jkunu aħjar u iżjed effettivi milli huma llum.

Finalment, bħal ma ġa ħabbarna fil-każ ta' l-isptarijiet, l-aspett operazzjonali tal-kura primarja għandu jinfired mill-aspett regolatorju. Hawn ukoll għandna proposti radikali. Billi għadna għaddejjin bid-diskussjonijiet mat-tobba li beħsibhom iwaqqfu koperattiva, mhux xieraq li niżvela sa fejn wasalna u x'inhuma d-diffikultajiet li għadna rridu nissuperaw. Pero` irrid nagħmilha ċara li ma jinteressawniex is-soluzzjonijiet li huma politikament popolari. Irridu ftehim kuntrattwali li jwittilna t-triq għal titjib reali fis-servizz mhux l-inqas li nsolvu d-difett prinċipali, n-nuqqas ta' kontinwità fil-kura.

Madankollu rridu nżommu quddiem għajnejna li dan hu biss il-bidu tal-proċess. Ġa nagħmlu minn kollox biex niżguraw li l-professjonisti kollha fil-qasam primarju jkunu f'qagħda aħjar biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-klienti li jservu.

Nagħlaq billi niżżiħajr lid-Dipartiment tal-Kura Primarja li ħa l-inizjattiva biex jorganizza din il-konferenza. Nemmen li dan hu l-bidu ta' proċess li jwassalna għal deċiżjonijiet ta' policies msejsa fuq l-evidenza flok fuq l-impressjonijiet.

Nawgura lill-parteċipanti kull suċċess f'din il-konferenza u nistenna li tagħtuna tweġibiet verament bażati fuq l-evidenza b'risq il-klienti li lkoll qegħdin hawn biex inservu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow