Left arrow Go Back

IL-MIRI TAL-GVERN GĦALL-MAGĦTAB: NAGħlQUHA, NIRRICERKAWHA u NIRRIBILITAWHA

pr1545
Date Icon 23/10/2001

Wara li aktar kmieni dan ix-xahar kienet ippublikata l-verżjoni finali ta' l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu għall-Gżejjer Maltin, il-Gvern se jibda negozjati ma' tliet konsorzja li kienu short-listed minn Bord indipendenti ta' aġġudikazzjoni bħala l-aktar idonji biex jimplimentaw tnejn mit-tliet komponenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' l-istess strateġija.

Ir-rapport tal-Bord ta' l-Aġġudikazzjoni lill-Gvern sar wara li l-Bord għarbel d-diversi proposti li saru lill-Gvern u saret evalwazzjoni teknika mill-istess konsulenti li għamlu l-Istrateġija Integrata għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu għall-Gżejjer Maltin li issa ġiet finalizzata. Il-konsulenti li nħatru mill-Ministeru għall-Ambjent għal dan l-iskop kienu l-Integrated Skills Ltd. Din kienet il-kumpannija li permezz ta' Carl Bro tad-Danimarka tqabbdet mill-Kummissjoni Ewropea biex tifformolu l-Istrateġija meħtieġa għal Malta.

Il-Gvern se jimxi mal-konklużjonijiet li waslu għalihom il-Konsulenti u r-rakkomondazzjonijiet tal-Bord ta' Aġġudikazzjoni, l-implimentazzjoni ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart se jinqasam fi tliet pakketti separati

  • kuntratt biex jintlaqa', ikunu immaniġġjat, proċessat, irkuprat u jsir disponiment ta' skart mill-kostruzzjoni u twaqqigħ ta' bini li jirrapreżenta 80 fil-mija ta' l-iskart kollu ta' pajjiżna;

    kuntratt biex jintlaqa', ikun immaniġġjat, proċessat, irkuprat u jsir disponiment minn kull tip ta' skart, li jinkludi skart tossiku u ħama mid-drenaġġ;

    kuntratt għar-riabilitazzjoni (irrimedjar), landscaping u kura ta' wara tas-siti eżistenti tal-miżbliet, b'mod partikulari l-Magħtab, il-Qortin f'Għawdex u Wied Fulija fiż-Żurrieq.

Wara r-rakkomandazzjoni tal-bord ta' l-aġġudikazzjoni, il-Gvern hu f'pożizzjoni li jibda negozjati mit-tliet konsorzji, minn tmienja, li kienu short-listed. In-negozjati se jibdew dwar l-ewwel tnejn mit-tliet pakketti li ġew deskritti aktar 'l fuq. Il-Konsorzja ntagħżlu mill-Konsulenti fuq il-bażi tal-kwalità u l-kjarezza tal-preżentazzjoni tagħhom, l-esperjenza u t-track record tal-proponent fl-immaniġġjar ta' l-iskart, kwalifikazzjonijiet u esperjenza tal-proponent u l-ħaddiema tiegħu, kif ukoll li l-proponenti jikkonformaw ma' ħtiġiet tekniċi ewlenin biex jaslu għall-kuntratti fl-immaniġġjar ta' l-iskart ta' din in-natura.

Fuq bażi tal-kriterji li għamlu l-konsulenti, li kienu kkonfermati mill-Bord ta' l-Aġġudikazzjoni, it-tliet konsorzja li ġew short-listed f'dan l-istadju huma:

a. Onyx-CGEA (Franza) AX Holdings (Malta);
b. Staedtereinigung West Nolting GmbH & Co. KG (Germanja) Polidano Brothers Ltd (Malta);
c. SITA (Franza).

Il-konsorzja li gew short-listed jinkludu f'kull każ kumpanniji internazzjonali ta' fama tajba f'servizzi ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart. Negozjati separati ma' kull wieħed mit-tliet konsorzja li ġew short listed se jibdew nhar il-Ġimgħa, 2 ta' Novembru 2001.

Wara l-proċess tan-negozjati, il-bord ta' l-aġġudikazzjoni se jkun mistieden jissottometti lill-Gvern ir-rakkomandazzjonijiet finali tiegħu dwar liema konsorzju jista' jimplimenta l-pakketti kontrattwali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iskart mill-kostruzzjoni u twaqqigħ ta' bini u f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iskart kollu li jibqa'. L-istess konsorzju, jew konsorzji diffferenti, jistgħu jintgħażlu għal dawn iż-żewġ pakketti.

F'dak li għandu x'jaqsam mat-tielet pakkett, li jinkludi r-riabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija, il-Gvern ingħata parir mill-konsulenti li qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar l-aħjar forma ta' riabilitazzjoni, ikun meħtieġ profil xjentifiku preċiż ta' dawn il-miżbliet. Għal dan l-iskop il-Ministeru għall-Ambjent talab lill-konsulenti biex jippreparaw terms of reference għal offerta jew proċess ta' kwotazzjoni selettiva biex tkun identifikata kumpannija indipendenti internazzjonali li tispeċjalizza fi problemi bħal dawn biex tagħmel dan l-istudju. Darba l-Gvern ikollu f'idejh dan l-istudju ikun f'qagħda li jagħżel minn fost il-kumpanniji kollha li ghamlu l-proposti dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart dwar din il-problema speċifika, jew jekk ikun meħtieġ jagħmel sejħa ġdida għal proposti limitati għal dan il-pakkett.

Il-Ministeru għall-Ambjent josserva li permezz ta' din l-istrateġija l-immaniġġjar ta' l-iskart f'Malta isegwi s-sekwenza loġika ta' l-implimentazzjoni li permezz tagħha ma tibdiex ir-riabilitazzjoni tal-Magħtab, il-Qortin u miżbliet oħra qabel l-għeluq tagħhom li għandu jsir fl-2004. Għal dan l-iskop il-Ministeru qed jiffissa it-3Rs tiegħu għall-Magħtab jiġfieri li jwassal biex din issir 'Redundant' permezz ta' l-għeluq tagħha billi nipproċedu bl-ewwel żewġ pakketti għall-immaniġġjar ta' l-iskart, billi jara li tkun Riċerkata permezz ta' studju xjentifiku li jsir indipendentament mill-kumpanniji kollha li ssottomettew il-proposti, u billi tkun Riabilitata wara l-eżercizzju ta' studju xjentifiku.

L-implimentazzjoni ta' l-istrateġija għall-immaniġġjar ta' l-iskart hi l-aktar sfida ambjentali importanti tal-Gvern li qed jiffaċċja b'kuraġġ u determinazzjoni. Dan qed isir billi l-Gvern iffissa time frames stretti li fihom irid jimplimenta din l-isfida fuq il-linji ta' l-Istrateġija li għadha kif kienet ippubblikata

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow