INAWGURAZZJONI TA' ESEBIZZJONI TA' PRODOTTI ARTIĠJANALI MALTIN MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Il-Ġimgħa li għaddiet ħadt gost li nawgurajt il-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, pjan li jinkludi 17-il inizjattiva maħsuba biex igħinu fil-promozzjoni tal-manifattura artiġjanali tal-gzejjer tagħna. Permezz ta’ din il-ħidma, l-Kunsill Malti għall-Artiġjanat ser jara li jgħin lill-Artiġjani u l-Imprendituri biex ikunu ppreparati w organizzati biżżejjed biex fl-iqsar żmien jiżdied il-bejgħ tal-prodotti artiġjanali.
Għal dan il-għan, il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, permezz tal-pjan ta' ħidma tiegħu, ser ikun impenjat biex jorganizza ħidma ta’ promozzjoni w apprezzament lejn dak kollu li huwa manifatturat f’pajjiżna. Irridu li l-prodott ta' l-Artiġjani Maltin u Għawdxin ikun aktar apprezzat għall-valur li fiħ.
Ma nistgħux inwaqqfu l-għażla ta' prodotti rhas biex jinbiegħu bħala souvenirs. Iżda li nistgħu nagħmlu huwa li narmaw aħjar il-ħwienet ta' l-imprendituri tagħna li jbiegħu souvenirs biex b’għażla aħjar u b'aktar varjeta' ta’ prodotti ta’ valur miżjud għaliex jistgħu jkunu ċċertifikati bħala prodotti artiġjanali manifatturati lokalment. Irridu nbiddlu l-għażla tal-prodotti offruti, kemm lit-turisti kif ukoll lis-suq lokali. Il-prodotti artiġjanali diġa' huma f’domanda; li jonqos huwa li nagħrfu l-potenzjal ta' l-għażla varjata ta’ prodotti maħduma lokalment.
Inċentiv li hemm fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat proprju jaħseb f’"Ħidma ta’ promozzjoni w apprezzament ta’ l-artiġjanat fil-komunita'". Illum, f’din il-komunita' ta' tas-Sliema, qegħdin ukoll nibdew ġimgħa ta’ attivitajiet mid-Diviżjoni għall-Kummerċ. Din il-wirja li qegħdin ninawguraw f’dan il-kumpless kummerċjali tal-Plaza, huwa proprju maħsub biex filwaqt li naħdmu biex ikollna aktar promozzjoni ta’ l-artiġjanat Malti u Għawdxi f’din il-komunita', il-wirja sservi wkoll biex imprendituri li huma nteressati li jbiegħu souvenirs jew prodotti ta’ l-artiġjanat ikunu jistgħu jaraw u jgawdu xelta wiesgħa u għażla nteressanti ta’ prodotti artiġjanali lokali u hekk jistgħu jagħżlu minfejn jixtru prodotti biex ibiegħu mill-ħwienet tagħhom.
Illum qegħdin ninawguraw l-ewwel wirja f’tas-Sliema. 'Il quddiem ser ikunu organizzati wirjiet oħra f’komunitajiet oħra. Diversi attivitajiet huma maħsuba wkoll biex jintroduċu l-artiġjani u l-imprendituri nteressati fl-artiġjanat Malti u Għawdxi.
Din l-inizjattiva tal-lum qed tkun sponsorjata kemm mill-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, li ħa ħsieb jorganizza din il-wirja, kif ukoll mill-Kumpless Plaza li ġentilment offra l-ispazju għal din il-wirja. F’din il-wirja hawn madwar 50 esebitur li flimkien qed jesebixxu prodotti f'din il-wirja b'valur sħiħ ta' madwar Lm14,000.
B'din il-ħidma, l-Gvern qiegħed jara li permezz tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat iwassal l-għajnuna tiegħu lis-settur tas-self-employed u negozji żgħar li qegħdin jaħdmu f’dan il-qasam. Meta qegħdin ngħinu b’dan il-mod sempliċi iżda meħtieġ, il-Gvern huwa konxju qed jgħin li dan is-settur bl-iżjed għajnuna mixtieqa u meħtieġa. B’din il-ħidma bdejna proċess ta’ għajnuna għas-settur tal-manifattura Artiġjanali.
Nawgura li bħala poplu Malti u Għawdxi, din il-ħidma twassal biex nagħrfu li għandna kapaċitajiet li ma humiex anqas minn ta’ pajjiżi oħra.
Nawgura li bħala poplu nagħrfu nħarsu lejn dak li huwa manifatturat f’pajjiżna bi kburija u napprezzawh għaliex fih valur.
Nawgura li b’din il-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat jirnexxielna nrawwmu kuxjenza nazzjonali li kapaċi tħares lejn l-artiġjani b’rikonoxximent lejn il-ħiliet tagħhom f’sengħa li jipprattikaw fil-proċess tal-manifattura li biha jaħdmu.
Fuq kollox nawgura li kull min jidħol f’dan l-istabbiliment u jara din il-wirja ta’ artiġjanat igawdi s-sħubija u l-arti li ssebbaħ il-prodotti esebiti
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN