DISKORS MILL-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GHAT-TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI FL-OKKAZJONI TA’ L-INAWGURAZZJONI TA’ WIRJA FILATELIKA "MALTEX 2001" – FURJANA – 19.10.2001
Għandi pjaċir li qiegħed inkellimkom il-lejla fl-okkażjoni ta’ wirja oħra tal-filatelija Maltex 2001. Bħala l-Ministru responsabbli mir-Regulatur tal-Posta f’Malta nieħu gost li rġajt għandi l-okkażjoni li nattendi għall-inawgurazzjoni ta’ wirja li hija xhieda ta’ kemm il-filatelija f’Malta hi ħajja.
F’dan iż-żmien ta’ bidla kbira li qiegħed iġibu magħhom l-użu ta’ l-Internet u tat-teknologija ta’ l-informatika, ħafna servizzi li kienu parti ntegrali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum bħal l-użu tal-ktieb u tal-posta jistgħu jidhru li jkunu mhedda. Madankollu, issa qegħdin naraw li l-istess użu ta’ l-Internet jista’ joffri opportunitajiet ġodda għal servizzi postali speċjalment fil-qasam tat-tqassim ta’ pakketti żgħar. Is-servizzi postali tradizzjonali kif niftakruhom aħna qegħdin jiffaċċjaw sfidi ġodda wkoll minn kompetituri privati kemm internazzjonali kif ukoll lokali. F’dan l-isfond fejn il-globalizzazzjoni ġabet id-dinja f’sitwazzjoni fejn dak li jiġri fi kwalunkwe pajjiż jew settur jaffettwa mill-ewwel il-kumplament tad-dinja, Malta ma tistax tibqa’ barra.
Kien proprju sabiex is-servizzi postali f’Malta ikun f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jilqgħu l-isfidi li għandhom bħalissa u jaħtfu l-opportunitajiet li dawn iġibu magħhom, li l-Gvern fassal abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta. Dan qiegħed proprju jiġi diskuss mill-Parlament f’dawn il-ġimgħat.
L-iskop ta’ dan l-abbozz ta’ liġi hu li joħloq qafas regolatorju u trasparenti sabiex ikun hemm diviżjoni netta u ċara bejn ir-rwol tar-Regolatur u l-operaturi.
Il-Maltapost u qabilha d-Dipartiment tal-Posta s’issa kellhom il-monopolju assolut fuq is-servizzi postali kollha. Dan huwa l-istess monopolju bħal ma kienet tgawdi l-Maltacom fis-servizzi telefoniċi. Fil-qasam tat-telekommunikazzjoni li ġie liberalizzat riċentement, l-Awtorita’ tal-Komunikazzjoni hija responsabbli li tara l-operaturi f’dan is-settur jimxu skond il-liġi.…
Skond l-emendi li l-Gvern qiegħed jipproponi, din l-istess Awtorita’ issa ser tkun ukoll regolatur tas-settur postali. L-emenda fil-liġi ser tiffaċilita wkoll l-proċess ta’ liberalizazzjoni gradwali ta’ servizzi postali f’Malta li għandu jimxi fuq il-pass li għaddejjin bih servizzi simili barra minn Malta. Bħalma kien hawn min bassar futur ikrah għall-operaturi tat-telekommunikazzjoni u għal kwalita’ ta’ servizz wara li beda l-proċess ta’ liberalizazzjoni tat-telekommunikazzjoni f’Malta, illum għandna wkoll min qed igħid l-istess għall-Maltapost. Aħna m’għandniex dubju li bħalma ġara fil-każ tat-telefonija ċellulari li llum qed jespandi sew u l-ADSL internet hekk il-Maltapost ser tkun tista’ taħtaf l-opportunitajiet ġodda li hemm fis-settur tagħha kif ukoll tuża l-uffiċċju tagħha sabiex toffri servizzi ġodda.
Minnbarra hekk, dan l-abbozz ta’ liġi jagħti lok għall-ħolqien ta’ Bord ta’ l-Appelli dwar is-servizz postali, liema Bord għandu jkun indipendenti kemm mir-Regolatur kif ukoll mill-operaturi.
Punt li jinteressa lill-filatelisti huwa li għalkemm sa issa huwa l-Ministru li jieħu ħsieb li jiġu provduti bolli, bil-Liġi l-ġdida l-approvazzjoni tal-ħruġ tal-bolol ser tibqa' r-responsabilita' tal-Ministru iżda, id-deċiżjoni tiegħi ser tkun fuq il-parir ta’ Bord Konsultattiv.
F’kelma waħda, il-liġi l-ġdida qed tirrikonoxxi li l-Bord Konsultattiv dwar id-disinn tal-Bolli jagħti parir lill-Ministru dwar id-disinn ta’ bolli ġodda, ħaġa li għalkemm qegħda ssir fil-preżent, kienet issir mingħajr obbligi ta’ liġi. Dan ikompli jserraħ ras il-filatelisti li permezz tal-pariri ta’ membri tal-bord li huma nies kompetenti fil-materja, ser ikun assigurat li "l-bolli Maltin iżommu l-livell għoli li għandhom fid-dinja filatelika".
L-awguri tiegħi huwa li dan il-passatemp li hemm wieħed mill-eqdem fis-settur tal-kollezjonisti jkompli jissaħħaħ b’aktar wirjiet bħal din li qiegħed ninawgura l-lejla, u forsi oħrajn simili li jistgħu jitwasslu lit-tfal fl-iskejjel sabiex titrawwem fihom minn ċkunithom in-namra tal-bolli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN