Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKA|JONI TAL-KUNGRESS NAZZJONALI 2001 TAL-GENERAL WORKERS’ UNION - NEW DOLMEN HOTEL, QAWRA - L-ERBGĦA, 3 TA’ OTTUBRU, 2001

pr1427
Date Icon 03/10/2001

Sinjuri,

Il-ġimgħa li għaddiet, irċevejt lill-President u lis-Segretarju {enerali flimkien ma’ uffiċjali tal-General Workers’ Union fil-Palazz Presidenzjali l-Belt. Jiena nżomm kuntatt u laqgħat regolari mal-unions. Għalija hu mezz importanti kif inżomm ruħi informat b’dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna - dover essenzjali tal-President tar-Repubblika, skond il-Kostituzzjoni.

Pero’ dakinhar ġew ukoll biex jippreżentawli kopja tal-ktejjeb Twemmin tal-General Workers’ Union li fih hemm imniżżla, b’mod konċiż imma b’mod komprensiv, il-fehmiet tal-GWU fuq ħafna aspetti tal-ħajja tagħna. Bħala l-ikbar union f’Malta, il-GWU bil-fors tħaddan u tirrappreżenta l-fehmiet u l-interessi ta’ ħaddiema minn kull qasam tad-dinja tax-xogħolĠ mill-ħaddiema taċ-ċivil sa dawk tal-privat, miż-żgħażagħ li għadhom deħlin fid-dinja tax-xogħol sa l-anzjani li għamlu ħajja ta’ ħidma.

Nirringrazzjakom ta’ din l-istedina biex naqsam magħkom xi ħsibijiet f’dan il-Kungress Nazzjonali. Se jkollkom l-opportunita’ li tisimgħu lil kelliema oħra importanti, li forsi ma jaqblux bejniethom fil-fehmiet politiċi tagħhom; imma għalhekk, se tkun opportunita’ biex tiżnu dawn l-opinjonijiet differenti, u jiena konvint li konferenza bħal din ma tistgħax ma tħallix effett pożittiv fuq il-parteċipanti kollha.

TwemminĠ x’inhu t-twemmin tagħna lkoll, it-twemmin tal-poplu Malti kollu kemm hu?

Gżira f’nofs il-baħar Mediterran, mogħnija bi storja pluri-millenarja, Malta trawmet fuq il-valuri li għaddew missirijietna minn ġenerazzjoni għal oħra. Nippossjedu identita’ ta’ poplu iżolan imma mhux iżolat, identita’ magħġuna mill-istorja, mibnija fuq it-twemmin Nisrani, imsawra madwar id-diversita’ ta’ kulturi u ċ-ċiviltajiet li jagħtu fuq dan il-baħar, marbuta ma’ lingwa Maltija li fl-espressjoni tagħha tgħaqqadna lkoll.Twemmin huwa identita’ wkoll.

Dan l-aħħar, għadna kemm iċċelebrajna sebgħa u tletin sena ta’ Indipendenza, sebgħa u tletin sena minn mindu l-poplu Malti ħa r-responsabilta’ tal-pajjiż f’idejh. Naħseb li għalkemm saru żbalji - u min ma jiżbaljax? - f’Malta rnexxielna nibnu soċjeta’ inklużiva u solidali. Fil-waqt li dejjem neħtieġu nkomplu ntejbu l-qagħda tagħna, nistgħu ngħidu li rnexxielna niksbu livell ta’ għixien relativament tajjeb.Twemmin huwa mibni fuq il-kisbiet ukoll.

Bħala poplu, aħna konxji ta’ din ir-realta’, ta’ l-istorja, tal-preżent u tal-potenzjal tagħna għall-futur? Nemmnu tassew fina nfusna? Jiena naħseb li din hija d-domanda li fil-bidu ta’ dan is-seklu għandna nagħmluĠ nemmnu fina nfusna?

Jiena li meta kont tifel rajt il-qerda tal-gwerra, jien li rajt eluf ta’ Maltin iħallu ’l pajjiżna u jemigraw lejn artijiet imbegħda għax ma kienx hawn futur, jiena li rajt lil Malta tinbidel, nista’ ngħid li dan in-nazzjon għamel passi ta’ ġgant fl-oqsma tal-politika u ta’ l-ekonomija, kif ukoll fil-qasam soċjali. Dan kollu ksibnih grazzi għall-ħidma tal-mexxejja politiċi tagħna, imma fuq kollox, ksibnih bix-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minna. Kull settur tas-soċjeta’ ta u għadu jagħti kontribut siewi sabiex Malta tagħna, fi djalettika ta’ demokrazija, tkompli ssaħħaħ il-kisbiet li huma tagħna lkoll.

It-twemmin tagħna huwa mnaqqax fl-ewwel artiklu tal-Kostituzzjoni, artiklu li kkuppjajnih mill-Kostituzzjoni TaljanaĠ

"Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-individwu."Dan huwa twemmin li jgħaqqadna lkoll f’unita’ ta’ ħsieb, ta’ intent u ta’ ħidma.


Sinjuri,

Waqt li kont qed nistudja dan id-dokument Twemmin, bosta kienu dawk il-passaġġi fejn jiena, bħala Malti u bħala President, ħassejtni fuq l-istess wavelength.

Bħalkom nemmen li l-familja hija n-nukleu, il-pern tas-soċjeta’. Tissaħħaħ l-istituzzjoni tal-familja, tissaħħaħ is-soċjeta’, u jissaħħu l-istituzzjonijiet. Il-konċett tal-familja jinkorpora fih kull aspett li jdur mad-dinja tax-xogħolĠ il-formazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal - il-ħaddiema ta’ għada, il-ħarsien tal-breadwinners fuq il-post tax-xogħol, ir-rwol tan-nisa tad-dar, kif ukoll ta’ dawk l-ommijiet li jiddeċiedu joħorġu jaħdmu. Ilkoll nemmnu li s-saħħa tas-soċjeta’ Maltija tinsab f’ħoġor l-istituzzjoni familjari. M’għandix dubju li l-familja se tibqa’ l-forza motriċi tas-soċjeta’ tagħna, soċjeta’ li għax taf tagħder u tifhem ma tinagħlaqx fiha nnifisha iżda tagħraf tħaddan il-bidliet li jitwettqu.

Aċċent partikolari huwa mogħti wkoll lill-konċett ta’ ġustizzja soċjali. It-trejdunjoniżmu huwa prinċipalment maħsub biex jagħti u jiżgura d-dinjita’ li tixraq lil kull min jaħdem. Bosta kienu l-istanzi fl-istorja ta’ pajjiżna fejn it-trade unions, fosthom il-GWU, kienu ta’ stimolu għal kisbiet sostanzjali għad-drittijiet tal-ħaddiema, għal soċjeta’ ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd, li toffri il-possibilta’ ta’ għixien deċenti b’kondizzjonijiet ta’ xogħol deċenti. Naħseb li, grazzi wkoll għall-ħidma tal-unions, saru avvanzi sostanzjali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Għalija, traġedja li tiġri fuq post tax-xogħol, hi luttu personali.

Fi ħdan id-djalettika tad-demokrazija, fi ħdan soċjeta’ parteċipattiva u inklużiva, inħeġġeġ il-unions ikomplu jaħdmu kontra diskriminazzjoni negattiva fuq ix-xogħol, u sabiex bl-influenza tagħhom jiggarantixxu huma wkoll li kulħadd igawdi verament mill-benefiċċji essenzjali u fondamentali li ngħixu f’demokrazijaĠ il-ġustizzja u l-liberta’. Mhux biss dmir l-iStat li jiggarantixxi vera ġustizzja u liberta’ liċ-ċittadini kollha, imma huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li nagħtu sehmna sabiex niggarantixxu u naraw li dawn il-valuri fondamentali jiġu mħarsa.

Bħalkom nemmen li "s-sħubija soċjali għall-ħaddiem hija kisba u dritt. Il-ħaddiem jiġġenera l-ġid fil-pajjiż bix-xogħol tiegħu daqskemm is-sidien joħolqu l-ġid fil-pajjiż bl-investiment tagħhom." (paġna 33)

Bħalkom irrid nara "li jkun hawn ir-rieda politika li tagħti riżorsi lil dawn l-imsieħba soċjali ewlenin li jidentifikaw il-problemi fil-pajjiż, janalizzawhom u b’diskussjonijiet ifittxu li jinstabu soluzzjonijiet li joffru l-bilanċ meħtieġ f’kull soċjeta’ li ma tridx firda dejjem akbar bejn min jista’ ħafna u min jista’ anqas." (paġna 33) Bħalkom irrid li f’soċjeta’ li tara il-progress fis-suq ħieles, jinħtieġ ir-rwol tal-Gvern bħala regolatur li jħares sew l-interess tas-soċjeta’, tal-konsumaturi, tan-negozjanti onesti, u ta’ l-investituri.

Jiena napprezza wkoll is-sens ta’ responsabilta’ li bih il-GWU fisser fit-Twemmin il-bżonn ta’ ristrutturazzjoni. "Ristrutturazzjoni tfisser bidla. Hija bidla li ma tistax issir għall-gost. L-inqas wieħed li jieħu pjaċir ibiddel huwa l-investitur għax huwa se jidħol fl-ispejjeż biex idaħħal din il-bidla. Il-bidla trid issir għax is-suq qed jinbidel, għax it-teknoloġija qed tavvanza, għax il-gosti tal-konsumaturi qed jinbidlu malajr ħafna. Jekk ma jitgħallimx ibiddel, il-ħaddiem se jaqa’ vittma huwa stess ta’ din il-bidla. Jekk jitgħallem ibiddel, il-ħaddiem igawdi minn bidla bħal din." (paġni 42-43)

Waqt li nagħrfu li x-xogħol huwa dritt ta’ kulħadd, nirrikonoxxu wkoll id-dmirijiet tal-ħaddiemaĠ drittijiet iva, responsabilta’ wkoll. Fuq dan l-aspett, naħseb li l-unions għandhom rwol importanti.

F’pajjiżna ftit huma r-riżorsi naturali. Tul iż-żminijiet, is-saħħa ta’ driegħitna u l-kapaċita’ ta’ moħħna kienu l-iżjed riżorsi li fuqhom dejjem stajna nistrieħu. B’hekk irnexxielna nibnu livell ta’ għixien aċċettabbli.

Jiena dejjem nisħaq fuq etika xierqa tax-xogħolĠ li kulħadd għandu jiġi renumerat b’mod xieraq fl-istess ħin li jagħti lura ħidmietu bl-iżjed mod siewi.Hekk biss pajjiżna jista’ verament ikompli miexi ’l quddiem.

B’dan il-mod inkunu qed inħaddnu u nwettqu ġustizzja soċjali vera.

F’dawn l-aħħar snin, rajna b’għajnejna u esperjenzajna fuq ġildna rivoluzzjoni li tajret is-sisien ta’ sistemi sħaħ ta’ ideoloġija, ta’ politika, ta’ klassijiet soċjali u ta’ xogħol.- Waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin.- Waqgħu l-barrieri ideoloġiċi.

- Qegħdin jonqsu differenzi sostanzjali bejn il-klassijiet soċjali. Illum il-ġurnata, sar diffiċli nagħtu definizzjoni differenzjativa bejn ħaddiem u ieħor.

- Inbidlu wkoll b’mod radikali l-ħtiġijiet u l-bżonnijiet ġenerali tad-dinja tax-xogħol.

F’dawn l-aħħar snin, id-dinja għaddiet minn rivoluzzjoni li l-effetti tagħha huma kbar daqs kemm kienu dawk tar-rivoluzzjoni industrijali. Is-sistemi ta’ l-informatika biddlu ħafna mill-parametri stabiliti. Illum, ilkoll nagħrfu iżjed minn qatt qabel il-bżonn, għal min jaħdem, ta’ edukazzjoni f’sens wiesa’, kif ukoll il-bżonn ta’ edukazzjoni kontinwa. Bħala individwu, kull ħaddiem għandu jkattar il-kapaċitajiet tiegħu. Bħala soċjeta’, naraw fl-edukazzjoni li twassal għal xogħol kreattiv u produttiv, investiment essenzjali u ta’ valur. Għalija forsi l-ikbar rivoluzzjoni edukattiva saret fl-edukazzjoni terzjarja. Fl-1987, l-Universita’ ta’ Malta kienet tilqa’ tmien mitt student. Illum, hemm ’il fuq minn tmint elef student. Ulied il-ħaddiema huma dawk li l-iktar qegħdin ’il quddiem f’din ir-rivoluzzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Illum, l-Istitut tat-Turiżmu qiegħed jeduka żgħażagħ li se jagħtu is-sehem tagħhom f’dan il-qasam tant importanti għall-ekonomija. Nawgura ukoll minn issa suċċess lill-MCAST li għadu kemm fetaħ il-bibien tiegħu.

Ridna jew ma ridniex, qomna f’era ġdida, li tirrikjedi minna lkoll sforzi ġodda, sforzi biex inżommu lil pajjiżna produttiv u kompetittiv. Għalhekk, ma nistgħux nifirdu argumenti ta’ ġustizzja soċjali, ta’ etika ta’ xogħol ta’ kull individwu, mill-istampa iktar wiesa’ tal-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna.

F’dinja globalizzata, f’dinja fejn ikomplu dejjem jaqaw il-barrieri, nirrikonoxxu l-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna ma tistgħax tittieħed għaliha biss; irridu narawha, neżaminawha u nipproġettawha ’l quddiem fi sfond tas-sitwazzjoni u tat-tendenzi reġjonali u internazzjonali.

Fil-11 ta’ Settembru, id-dinja ċivili sofriet attakk ta’ gravita’ liema bħala. L-atti terroristiċi fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika kienu attakki fuqna wkoll. Mhux biss għax inqerdu l-ħajjiet ta’ eluf ta’ nies innoċenti, nies li kienu għaddejjin fuq xogħolhom, imma wkoll għax effettwaw negattivament - u dan kien l-iskop ukoll - l-ekonomija dinjija. Id-dinja qatt mhi se terġa’ tkun l-istess; imma huwa fl-interess tagħna li naħdmu sabiex niddefendu l-valuri tad-dinja ċivili kontra t-terroriżmu barbaru.

It-terroriżmu tal-11 ta’ Settembru ħasad lid-dinja għaliex mietu ’l fuq minn sebat elef ruħ fi spazju ta’ minuti. F’dawk il-minuti mietu iktar nies f’daqqa milli mietu f’Pearl Harbour jew f’D-Day - fl-invażjoni tan-Normandija. Pero’ t-terroriżmu jibqa’ terroriżmu kemm jekk jiġri fi New York kemm jekk jiġri f’Gaza, kemm jekk jiġri f’Tel Aviv kemm jekk jiġri f’Belfast.

Għalkemm wieħed għandu jfittex l-għeruq tat-terroriżmu, wieħed ma jistax ikun newtrali bejn it-terroriżmu u l-vittmi innoċenti tiegħu. Jista’ wieħed ma jaqbilx mal-forma jew il-mod ta’ ritaljazzjoni, imma wieħed ma jistax ħlief ikun kontra kull forma ta’ terroriżmu u jadotta l-metodi ġusti kollha biex din il-pjaga tiġi mirbuħa.

Għandna nkunu preparati anki bħala pajjiż nilqgħu għall-effetti ekonomiċi li l-avvenimenti ta’ dawn l-aħħar xhur ikkaġunaw lill-ekonomija internazzjonali. Poeta Ingliż, John Dunne, kiteb "No man is an island." Ebda bniedem mhu gżira. Irid ifisser li waħdu bniedem ma jagħmel xejn, u l-bżonn tal-bniedem li jgħix fis-solidarjeta’ ma’ bnedmin oħra. Forsi ħadd iktar mill-ħaddiem ma jifhem dan - il-ħaddiem li jara fil-unions tiegħu metodu ta’ ħarsien u difiża tad-drittijiet tiegħu.

Il-metodu kif tiddefendi d-drittijiet tiegħek jinbidel skond iċ-ċirkostanzi storiċi. Qabel, il-konċett kien fil-lotta tal-klassi, il-kapitalist kontra l-ħaddiem, il-kapitaliżmu tal-Manchester School u l-Marxiżmu. Illum il-filosofija u l-ideoloġija tbiddlu. Illum tirbaħ mhux il-loġika tal-konfront iżda l-loġika tad-djalogu. L-avvanz tal-ħaddiema u l-ekonomija tal-pajjiż ma jintrebħux fil-kontestazzjoni konfrontali iżda fil-loġika tal-persważjoni. Mhux iżjed ħabel li wieħed jiġbed naħa u l-ieħor jiġbed in-naħa l-oħra - forma ta’ tug-of-war - iżda ħabel li fil-ħjut kollha tiegħu jrebbaħ l-interessi tal-pajjiż li tiegħu l-ħaddiema huma s-sinsla.

Illum il-unions sabu s-saħħa tagħhom mhux iżjed f’irbit ma’ partit politiku iżda fl-indipendenza tagħhom mill-partiti politiċi.


Sinjuri,

Preżenti illum hawn nies ta’ kull eta’, ilkoll bl-istorja partikolari tagħhom, bl-ideali tagħhom. Anki jekk għandkom biss għoxrin sena, intom twelidtu f’era differenti, f’realta’ storika, politika u soċjali ħafna mbegħda minn dik ta’ llum. Nirrealizzaw li dak li kien validu ftit snin ilu biss, illum sar parti mill-istorja. Narawh mill-komputers stessĠ dak li huwa modern illum, diġa’ sar qadim. Illum ġa sar il-bieraħ.

Dan il-ħsieb japplika wkoll għad-dinja tax-xogħol. Intom bil-fors meħtieġa li taħsbu għall-futur u fil-futur, u li tgħarfu t-tendenzi u tippreparaw lill-membri tagħkom jaffrontaw sitwazzjonijiet ġodda.

Fil-bidu ta’ l-intervent tiegħi, għamilt domanda lili nnifsi u lilkom. Staqsejt jekk nemmnux fina nfusna. Jiena nemmen f’dan il-poplu għaliex għaraf tul l-istorja tiegħu jisfrutta b’għaqal iċ-ċirkostanzi li saffaq wiċċu magħhom. Għaraf jitgħallem mill-iżbalji tiegħu. Għaraf li fl-edukazzjoni ta’ wliedu hemm il-futur tiegħu. Għaraf jemmen fid-dinjita’ tax-xogħol. Għaraf jemmen fil-valuri li l-fidi tiegħu fil-milja tas-snin bnew fih. Għaraf fis-solidarjeta’ in-nisġa tal-bniedem.

Fid-diskors li għamilt meta sirt President għidt li tkun Malti hi li tgħix ħolma, il-ħolma ta’ kif pajjiż żgħir iwettaq fl-indipendenza tiegħu l-ġid nazzjonali. Il-futur jitlob minna lkoll sens ta’ kuraġ[, binja ta’ fiduċja, għarfien tal-potenzjal tagħna, is-sens li nagħrfu nħarsu lejn il-ġejjieni mhux b’mod restrittiv għalina nfusna daqs kemm bħala akkwist ta’ wliedna. Hekk tista’ tifhem kif ħafna ġenituri bagħtew u ċaħdu lilhom infushom mill-preżent biex ikunu jistgħu jagħtu futur lil uliedhom. Din hija l-familja tal-ħaddiema.

Dan jien għixtu. Dan bħali għixuh ħafna oħrajn. U dan se jkomplu jgħixuh il-ġenerazzjonijiet li ġejjin li jemmnu fil-ġustizzja fis-soċjeta’. Nemmnu dan għax nemmnu fina nfusna.

Nghidu dak li nemmnu. Nemmnu f’dak li nghidu.Dan hu t-twemmin taghna

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow