REĠISTRAZZJONI GĦALL-STABBILIMENTI TA’ L-IKEL U GĦAL MIN JIPPREPARA L-IKEL
Il-Gvern huwa mpenjat biex jiżgura li l-poplu jkun protett minn perikli li jistgħu jiġu mill-konsum ta’ l-ikel, qal il-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara, meta kien qiegħed jagħti tagħrif rigward ir-regolamenti ġodda dwar ir-reġistrazzjoni ta’ postijiet ta’ l-ikel u r-reġistrazzjoni ta’ min jipprepara l-ikel.
Wara li ftit xhur ilu, is-Sezzjoni ta’ l-Ispettorat tas-Saħħa ġiet ristrutturata, issa is-Sezzjoni qed toħroġ żewġ avviżi legali dwar ir-reġistrazzjoni ta’ min jipprepara l-ikel u r-reġistrazzjoni ta’ postijiet ta’ l-ikel. B’dawn ir-regolamenti ġodda, il-Gvern qiegħed jimmira biex jgħola l-livell fil-produzzjoni u l-konsum ta’ l-ikel. L-iskop ewlieni ta’ dawn ir-regolamenti huwa biex fil-każ tar-reġistrazzjoni tal-postijiet ta’ l-ikel, jinżamm rekord komplet biex ikun jista’ jiġi mplimentat il-prinċipju ta’ "farm to fork". L-iskop tar-regolamenti dwar ir-reġistrazzjoni ta’ min jipprepara l-ikel huwa biex jiġi żgurat li dawk kollha li b’xi mod huma nvoluti fil-preparazzjoni ta’ l-ikel ikollhom l-informazzjoni neċessarja dwar l-iġjene fl-ikel.
"Minn issa ’l quddiem kull min jaħdem fis-settur ta’ l-ikel irid ikun reġistrat u jingħata dokument ta’ reġistrazzjoni wara li jkun segwa kors bażiku dwar l-iġjene fl-ikel, liema kors ikun aċċettat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Dan iċ-ċertifikat ikun għal sentejn jew ħames snin, jiddependi fuq il-kontenut tal-kors li jiġi segwit. Aħna nħossu li dawk li jippreparaw l-ikel għandu jkollhom tagħrif bażiku dwar l-iġjene fl-ikel biex ikunu konxji minn perikli li nuqqas ta’ attenzjoni jista’ jġib, meta l-ikel ikun ikkunsmat. Żgur li kulħadd huwa konxju mill-perikli li jistgħu jiġu minn maniġġ ħażin ta’ l-ikel u għalhekk huwa ferm importanti li kull min jaħdem f’dan il-qasam iżomm ruħu aġġornat dwar dawn il-perikli", kompla l-Ministru tas-Saħħa.
"Nixtieq nagħmilha ċara li l-iskop ewlieni ta’ dawn l-avviżi legali huwa biex jiġi mħares il-konsumatur. M’hix l-intenzjoni tal-Gvern li jagħmel kontrolli żejda jew li jagħmel il-ħajja aktar diffiċli lil min jaħdem f’dan is-settur. Il-ħlas minimu li qiegħed jiġi mitlub, dak ta’ Lm1.00 għal ħruġ tad-dokument ta’ reġistrazzjoni, huwa biss ħlas bħala dritt amministrattiv.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN