SERQ TA' KAPTELLI MILL-BANKINA TAL-"COAST ROAD"
Matul il-lejl li għadda xi ħadd mhux magħruf seraq ħamsa u ħamsin kaptell minn diversi partijiet tal-bankina fit-triq tal-kosta bejn is-Salina u Baħar iċ-Cagħaq. Dawn il-kaptelli jservu biex jgħattu il-passaġġi ta' l-ilma tax-xita li hemm taħt il-bankina. In-nuqqas ta' dawn il-kaptelli qed joħloq periklu għall-pubbliku.
Din mhix l-ewwel darba li numru ta' kaptelli minn din it-triq u minn toroq oħrajn fil-fatt insterqu madankollu din id-darba in-numru ta' kaptelli misruqa hu wieħed kbir.
Il-Ministeru jikkundanna dan l-att vandalu li hu wieħed minn sensiela ta' atti vandali oħra li saru u għadhom isiru fuq sinjali ta' traffiku u 'traffic lights' madwar il-gżira. Min jikkommetti dawn l-atti vandali ta' tiksir ta' bankini, qlugħ ta' tabelli, qlib ta' l-istess tabelli minn direzzjoni għall-oħra u ċaqliq tat-'traffic lights' minn direzzjoni għal oħra jkun qed jikkawża perikli żejda lil min ikun għaddej bil-mixi jew bil-vetturi minn dawn il-postijiet.
Hu kollu inutli li jsiru lmenti dwar nuqqasijiet fit-toroq tagħna jekk imbagħad ikun hemm minn jagħmel ħiltu kollha biex ikisser dak li jkun sar.
Matul ix-xhur li għaddew il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni għamel enfasi akbar dwar il-kwalita' tax-xogħol u għalhekk importanti li dak li jsir mhux biss isir tajjeb fil-bidu, iżda jibqa' fil-post biex jitgawda minn kulħadd.
Il-Ministeru, filwaqt li jappella lil kull min b'xi mod ikollu informazzjoni dwar min jagħmel ħsarat bħal dawn biex jirraporta lil dawn l-individwi, mill-ġdid jikkundanna bil-qawwa kollha lil dawk li għandhom l-ardir li jagħmlu ħsarat bħal dawn u li jqegħdu l-ħajja ta' ħaddieħor fil-periklu
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN