Left arrow Go Back

RAPPORT REGOLARI DWAR L-ISTAT AMBJENTALI

pr1184
Date Icon 08/08/2001

Il-Ministru għall-Ambjent, Francis Zammit Dimech qal li l-ambjent huwa sistema dinamiku li jirrikjedi li Rapport dwar l-Istat Ambjentali jkun wieħed regolari. Hu qal li l-Att il-ġdid dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent iqiegħed fuq l-Awtorità dwar il-Protezzjoni Ambjentali l-obbligu li tippubblika rapport bħal dan f’intervalli li ma jaqbżux it-tliet snin.

Il-Ministru ghall-Ambjent qal li l-lum il-Gvern kien qed iniedi t-tieni edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent fejn qed ikun kummissjonat l-istess panel ta’ esperti li għamel l-ewwel rapport. Dan il-panel irid jidħol fil-fond dwar l-istat ta’ l-ambjent u jippreżenta r-rapport tiegħu.Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-attivitajiet kollha tal-bniedem ghandhom impatt fuq l-ambjent. Fl-istess waqt l-inizjattivi kollha taghna ghall-izvilupp socjali u ekonomiku huma effetwati minn konsiderazzjonijiet ambjentali u dipendenti fuq kemm jiflaħ jieħu piż fuqu l-ambjent.

Il-Ministru għall-Ambjent qal illi azzjoni korrettiva u pro-attiva tal-protezzjoni u l-immaniġġjar ta’ l-ambjent tista’ tkun biss bażata fuq informazzjoni korretta dwar l-istat ta’ l-ambjent. Hu qal li l-irrappurtar dwar l-istat ambjentali hu maħsub li jippreżenta informazzjoni lil setturi differenti tal-poplu biex jiffaċilita t-tehid ta’ deċizzjonijiet. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li Kapitlu 40 ta’ Agenda 21 tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-1992 dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli titlob li jkun hemm informazzjoni ambjentali aħjar biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-maġġoranza tal-pajjiżi llum jippubblikaw b’mod regolari Rapporti dwar l-Istat ta’ l-Ambjent. Hu qal li l-Ministeru għall-Ambjent ippubblika, skond prattiċi magħrufa internazzjonalment, l-ewwel Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent f’Malta fl-1999. Dan ir-rapport kien intenzjonat li jagħti ritratt ta’ l-istat ta’ l-ambjent f’pajjiżna dak iż-żmien. Hu qal li għalkemm dan ir-rapport kien finanzjat minn fondi pubbliċi, il-Gvern ried studju xjentifiku dwar l-ambjent li la jxaqleb lejn naħa u anqas lejn oħra.

Għalhekk dan l-istudju kien kummissjonat lil panel ta’ esperti indipendenti kkoordinati mill-Professur Victor Axiak. Dawn ħadmu indipendentement mill-Ministeru ghall-Ambjent u mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent. Dan sar biex tkun żgurata l-indipendenza tar-riżultat ta’ l-istudju.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li s-suġġetti li dwarhom saru rapporti fl-1999 kienu dwar

Il-popolazzjoni, turiżmu, użu ta’ l-art u riżorsi li ma jiġġedduxRisorsi ħajjin, biedja u sajd
Il-kosta u riżorsi ta’ ilma ħeluSkart solidu u likwidu

Enerġija

Il-kwalità ta’ l-arja, uPolitika ambjentali u edukazzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li dan ir-rapport ingħata l-akbar pubbliċita’. Kien ippubblikat fuq CD kif ukoll fuq il-website tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent, filwaqt li kienet ippubblikata verżjoni fil-qosor tar-rapport.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li issa se jitħejja it-tieni rapport. L-esperti qed ikunu kkummissjonati biex

jiġbru flimkien l-informazzjoni kollha eżistenti u jippreparaw stqarrija dwar il-qagħda f’kull wieħed mis-suġġetti ambjentali ewlenin;jevalwaw, janalizzaw u jivvalutaw din l-informazzjoni;

iqabblu din l-informazzjoni ma’ dik fir-rapport ta’ qabel;fejn possibli jidentifikaw lista ta’ indikaturi ambjentali u rigward sostenibilità;jindikaw xejriet li jwasslu għal titjib jew deterjorament ta’ l-ambjent;jipprovdu lista ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-konferma ta’ l-ikkummissjonar mill-Gvern tar-rapport lil dan il-panel ta’ esperti kollha Maltin turi l-fiducja tal-Gvern fil-kapaċitajiet ta’ esperti lokali.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech ħabbar li dan ir-rapport għandu jkun ippreżentat lill-Gvern f’Ġunju 2002. Hu qal li kien jispera li r-Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent jgħin jqajjem kuxjenza u jeduka lill-poplu dwar problemi ambjentali li fl-aħħar mill-aħħar jiddeterminaw il-kwalità tal-ħajja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow