SILTIET MINN DISKORS LI L-MINISTRU GHALL-AMBJENT DR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH GHAMEL FL-OKKAZJONI TAL-FTUH UFFICJALI TAL-CASINO' DI VENEZIA
Il-Ministru għall-Ambjent, Dr. Francis Zammit Dimech qal li hi l-politika ta' dan il-Gvern li kull parti ta' Malta tgawdi mill-ġid li jinħoloq fil-pajjiż biex hekk verament ħadd ma jibqa' lura. Hu qal li din il-politika wasslet lill-Gvern biex jagħti importanza kbira lill-problemi tal-Kottonera. Parti ta' Malta li tħalliet mitluqa għal ħafna żmien, bir-riżultat li kibru l-problemi soċjali, ekonomici u ambjentali.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Gvern preżenti irid li l-Kottonera, li tiġbor fiha l-istorja ta' pajjiżna sa mill-eqdem żminijiet, u li hi parti importanti mill-wirt u l-patrimonju nazzjonali ta' artna, tkun riġenerata. Hu qal li għal dan l-iskop inbeda programm vast ta' xogħlijiet ewlenin li kienu jinkludu bini ta' appartamenti, bini ta' dar mill-aktar moderna għall-anzjani, ċentru tas-saħħa u bini ta' sports complex. Fl-1992, il-Gvern prezenti waqqaf ukoll il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera bl-iskop li jkunu restawrati u riabilitat bini storiku, fortizzi u fortifikazzjonijiet. Huwa qal li kemm ilu mwaqqaf dan il-Kumitat, intefqu madwar Lm1.3 miljun f'xoghlijiet ta' restawr u riabiltazzjoni fuq ghadd ta' monumenti storici, knejjes u fortifikazzjonijiet.
Dr. Zammit Dimech qal li x-xogħol ta' restawr illum qed jidher sew tant li diversi monumenti reġgħu ngħataw id-dehra majjistuża li kellhom qabel. Huwa qal li proġett ieħor li għandu jkun il-fus tar-riġenerazzjoni tal-Kottonera hu l-Proġett tal-Kottonera. Il-Gvern preżenti espanda l-iskop tal-proġett tal-Kottonera biex verament ikun proġett għall-Kottonera kollha. Fakkar li dan il-proġett, li se jkunu investiti fih mill-inqas Lm16-il miljun, issa se jkopri mhux biss ix-Xatt tal-Birgu, iżda wkoll ix-Xatt ta' l-Isla u parti mix-Xatt tal-Kalkara. 'L quddiem, meta jkun hemm deċiżjoni dwar kif se jkun żviluppat il-Bacir Numri 1 u l-inħawi ta' madwaru, dan il-proġett ikun kopra l-Kottonera kollha minn tarf sa l-ieħor tagħha. Ikun inħoloq promenade mill-isbaħ, li jdur tul it-tliet ibliet storiċi ta' pajjiżna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li wara negozjati twal bejn iż-żewġ konsorzji, l-Cottonera Waterfront Group u l-Port Cottonera Limited; u wara li l-kuntratt għadda mill-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi u kien diskuss fit-tul u approvat mill-Parlament; f'Ġunju 1999, kien iffirmat il-kuntratt maż-żewġ konsorzja. Wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, f'Ġunju 2000 beda x-xogħol mill-Cottonera Waterfront Group; filwaqt li kmieni din is-sena nbeda x-xogħol mill-Port Cottonera Limited.
Kull min idur dawra ma' dawn l-inħawi, jara bejta sħiħa ta' attivita' miż-żewġ konsorzji. Il-Minisatru qal li kien sar xogħol ta' twaqqigħ ta' pont li kien jgħaqqad il-Birgu mal-Forti Sant'Anġlu, u li kien ikerraħ l-inħawi. Qed jitwaqqa' bini li kien ittella' mis-Servizzi Ingliżi mas-swar tal-Forti Sant'Anġlu, biex mhux biss jinkixfu dawn is-swar u jkunu apprezzati aħjar min kulħadd, iżda wkoll biex tinbena l-Kapitanerija għall-yacht marina li fakkar li se titmexxa mill-kumpannija Campers and Nicholsons, li hi rinomata internazzjonalment. Qal li kien sar xogħol ta' restawr ta' mħażen antiki maqtugħa fil-blat taħt il-Forti Sant Anġlu, filwaqt li beda x-xogħol tal-bini ta' appartamenti li jduru mal-Menqa.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li llum se jkun inawgurat il-Casinò di Venezia f'palazz li sa ftit tax-xhur ilu kien fi stat dilapidat ħafna, b'parti minnu mwaqqa' u bil-bqija tiegħu fi stat ta' abbandun. Il-Port Cottonera Limited dehrilhom li dan il-palazz seta' jiġi restawrat u jingħata l-glorja li kien igawdi fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann, meta kien id-Dar tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni. Il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali nbena minn Lorenzo Gafa'. Gafa' jidher li anke kellu sehem fil-bini ta' palazz ieħor fl-istess xatt ma' Francesco Buonamici, ir-resident inginier ta' l-Ordni.
Kunjom li jawgura tajjeb għal aktar ħbiberija u kooperazzjoni bejn il-popli ħbieb ta' l-Italja u Malta.
Mal-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni innamraw ukoll is-sidien u l-operaturi tal-Casinò di Venezia, li raw fih xebħ kbir ma' dak tal-Casino f'pajjiżhom, mhux biss għall-istil arkitettoniku tiegħu, iżda wkoll għaliex it-tnejn qegħdin fuq ix-xatt u t-tnejn għandhom importanza storika kbira.
L-akbar sfida ghall-konsorzju kienet li jaghmlu minn dan il-bini casinò ta' l-oghla kwalita' fi żmien qasir ta' anqas minn ħames xhur. Il-Ministru qal li min żar dan il-post xahrejn ilu kien jiddubita kemm din l-isfida setgħet tintrebaħ iżda llum nistgħu naraw b'għajnejna li dan il-palazz sar ġojjel importanti fix-Xatt tal-Birgu, li mhux biss se jagħti mpjieg permanenti lil 140 persuna, iżda se jattira lejn pajjiżna, u lejn il-Kottonera, turisti ta' l-ogħla kwalita'.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li kulmin se jdur dan il-post se jara kif il-Port Cottonera Limited irnexxielu b'investiment ta' Lm1.6 miljun jirrestawra l-bini kollu, jibni mill-ġdid il-parti li kienet waqgħet u jibni miegħu partijiet li qablu perfettament ma' l-istil tal-Palazz. Qal li min-naħa tagħhom il-Casinò di Venezia, b'investiment ta' madwar Lm3 miljun oħra, żejjnu dan il-palazz b'damaski u tapizzeriji, b'linef kbar Morano, b'għamara u b'pittura li taqbel ma' l-epoka li fih tela' dan il-bini.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech ferah lill-Port Cottonera Limited li taw lill-proġett tal-Kottonera l-ewwel frott tangibbli u awguralhom li ma jdumux ma jibdew il-bini tal-lukanda ta' l-ogħla kwalita' li se jtellgħu ħajt ma' ħajt mal-casinò. Hu rringrazzja wkoll lill-management tal-Casinò di Venezia, kuntratturi u haddiema li wettqu dan il-progett fi zmien rekord ghaliex bhall-Gvern, kellhom fiducja fir-rieda ta' dawk kollha li hadmu bla heda biex dan il-progett jitwettaq fl-interess mhux biss ta' l-abitanti tal-Kottonera izda tal-pajjiz kollu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN