DISKORS TA' L-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GHAL GHAWDEX, WAQT LAQGHA TA' INFORMAZZJONI DWAR IL-PROGRAMM FIFTH FRAMEWORK PROGRAMME TA' L-UNJONI EWROPEA
Onorevoli Segretarju Parlamentari, Dottor Mifsud, Sinjuri.
Huwa ta' pjaċir għalija li nilqagħkom hawn illum għal din il-laqgħa ta' informazzjoni dwar il-programm ta' Riċerka u Żvilupp Tekonoloġiku tal-Unjoni Ewropea - il-Fifth Framework Programme.
Dan il-programm huwa wieħed minn sensiela ta' programmi fosthom Socrates, Leonardo u Youth li saru aċċessibbli għall-poplu Malti permezz tal-applikazzjoni ta' pajjiżna għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. Il-Fifth Framework Programme joffri opportunita' unika ta' għajnuna lir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea flimkien ma' dawk fil-proċess ta' sħubija.
Permezz ta' dan il-programm, l-Unjoni Ewropea qed tgħin l-elementi ta' riċerka u innovazzjoni fil-kontinent Ewropew biex fi kliem Edith Cresson , Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, Innovazzjoni, Edukazzjoni, Taħriġ u Żgħażagħ, 'nifhmu aktar id-dinja li ngħixu fiha u ntejbuha, insolvu l-problemi li niffaċċjaw illum u nantiċipaw dawk ta' għada, filwaqt li ntejbu l-kwalita' tal-għixien għal kulħadd.' F'dan ir-rigward, il-Fifth Framework Programme għandu importanza u rwol uniku biex jgħin lill-pajjiżi Ewropej jinvestu aktar u b'mod aktar effettiv f'diversi temi ta' importanza ċentrali fosthom il-kwalita' tal-ħajja, l-ambjent, l-agrikoltura, il-popolazzjoni anzjana, l-informatika, kummerċ elettroniku, ekonomija, enerġija - speċjalment enerġija nadifa, żvilupp sostenibbli, il-wirt kulturali, l-intrapriżi żgħar u medji u trasport.
Kif wieħed jista' jara tajjeb minn dawn it-temi li semmejt, il-firxa ta' azzjoni li taqa' taħt dan il-programm hija wiesa biex tilqa' fiha ħafna minn dak li jolqotna kollha kemm aħna. Dan kollu filwaqt li jiġu promossi fost l-oħrajn, il-kunċetti ta' kollaborazzjoni trans-nazzjonali fir-riċerka, kollaborazzjoni bejn l-Universitajiet u l-Industrija, l-iżvilupp ta' networks, ir-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u medji fil-kuntest tal-ekonomija Ewropea, flimkien mal-iżvilupp kontinwu tar-riżorsi umani.
Din l-attivita' fl-aħħar nett twassal biex tkompli titjieb il-kwalita' tal-ħajja tagħna lkoll, s-sostenibbilta' tal-azzjonijiet tagħna, u mhux b'inqas il-ħolqien ta' aktar impjiegi ta' kwalita'.
B'għarfien dwar l-importanza ta' dan il-programm għall-iżvilupp ta' Għawdex lejn standards dejjem għola u b'ħarsa lejn dawk l-oqsma fejn neħtieġu strateġiji innovattivi, il-Ministeru għal Għawdex, flimkien mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija ħadu r-responsabbilta' li jiġi organizzat dan is-seminar bl-għan li jikber l-għarfien dwar il-Fifth Framework Programme f'Għawdex, filwaqt li tingħata gwida prattika dwar kif wieħed jista' jieħu sehem u jibbenefika minn dan il-programm. Il-Ministeru li jiena responsabbli minnu ilu għal żmien twil isegwi dan il-programm u huwa ta' sodisfazzjon kbir għalija li nirrimarka li xi xhur ilu ssottomettejna l-ewwel project proposal f'isem il-Ministeru għal Għawdex fi ħdan it-Thematic Programme 'Energy, Environment and Sustainable Development'. Fil-preżent għaddejjin ukoll diskussjonijiet u preparazzjonijiet biex jiġu ppreżentati project proposals taħt Thematic Programmes oħrajn. B'dan il-mod, nittamaw li ma ndumux ma naraw lil Għawdex jibbenefika sostanzjalment minn dan il-programm. Fl-istess waqt, hija x-xewqa tiegħi li ma ndumux ma naraw kumpaniji, intrapriżi u organizzazjonijiet mhux Governattivi Għawdxin jibbenefikaw ukoll mir-riżorsi li joffri dan il-programm.
Il-Fifth Framework Programme jiġi fi tmiemu fis-sena elfejn u tnejn. Għalhekk, ninsabu fuq l-għatba tal- 'Framework Programme' li jmiss - l-istrument li għandu jwassal għall-ħolqien ta' dik li qed tissejjaħ "Żona ta' Riċerka Ewropea" - l-ERA jew European Research Area. Għalhekk, dan huwa ż-żmien li fih wieħed għandu jwassal il-bżonnijiet u s-suġġerimenti tiegħu dwar ix-xejriet li għandu jieħu dan il-programm ġdid, lill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, biex b'mod realistiku, l-Gvern ikun jista' jippreżenta l-pożizzjoni u l-bżonnijiet tal-pajjiż tagħna f'dawn l-oqsma lill-Kummissjoni Ewropea. Jekk dan ma jsirx, inkunu qed nirriskjaw li l-bżonnijiet partikulari tagħna ma jkunux magħrufa minn min qed isawwar dan il-programm ġdid. Fuq kollox, dan huwa eżempju ċar tas-sehem attiv li pajjiżna jkollu permezz ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, fejn aħna nkunu kkonsultati - fi kliem ieħor - ikollna leħen fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell Ewropew.
Wara laqgħa tal-Kunsill għar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea li saret fis-26 ta' Ġunju li għadda, il-Ministri responsabbli mir-Riċerka fl-Unjoni qablu fuq il-bażi tal-programm il-ġdid. Din il-bażi ta' prinċipji ġenerali għandha issa tiġi diskussa mal-pajjiżi membri u fil-Parlament Ewropew biex matul is-sena d-dieħla jittieħdu id-deċiżjonijiet finali u hekk jiġi fformulat il-programm il-ġdid - li fi kliem Thomas Ostros, il-President ta' dan il-Kunsill, "jkompli jibni fuq dak ta' qablu filwaqt li jfittex modi ġodda li jħeġġu djalogu aktar b'saħħtu bejn ix-Xjenza u s-Soċjeta".
Illum qed niġu ppreżentati bl-opportunitaċ li nifhmu kif noħolqu kuntatt ma' organizzazjonijiet minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-istess bżonnijiet u diffikultajiet tagħna, kif noħolqu proġetti bejnietna, u b'liema mod nitolbu lill-Unjoni Ewropea tgħinna sabiex inwettqu dak li nixtiequ.
Ippermettuli fl-aħħarnett, nirringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex jiġi organizzat dan is-seminar: b'mod partikulari lil Dr. Janet Mifsud, Koordinatur Nazzjonali għall-Fifth Framework Programme, lis-Sur Jesmond Xuereb mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u lill-Inġinier Felix Grech mill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp.
Jiena nawgura li din il-laqgħa sservi biex kull min huwa preżenti jifhem dejjem aktar il-potenzjal ta' dan il-programm u l-utilita' tiegħu għar-realtajiet li niffaċċjaw fil-gżira tagħna. Dan huwa programm li qed iħeġġiġna u jipprovdilna l-opportunita' biex intejbu dak li diġa għandna, noħolqu l-ġdid fejn hemm in-nuqqas u nkunu sostenibbli f' dak kollu li nagħmlu. Hekk, aħna nkomplu ntejbu l-attivita' ekonomika u l-kwalita' tal-għixien tal-poplu tagħna
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN