KORSIJIET TA' ŻVILUPP PROFESSJONALI GĦAL AKTAR MINN 2500 GĦALLIEM
Aktar minn 2500 għalliem, il-parti l-kbira tagħhom minn skejjel ta' l-Istat u li magħhom se jingħaqdu wkoll għalliema minn skejjel privati u tal-knisja, se jieħdu sehem fi 82 "In-Service Course" organizzati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, li se jsiru matul Lulju u Settembru. Din hi s-seba' sena konsekuttiva li qed isiru dawn il-korsijiet.
F'diskors fil-ftuħ ta' din is-sensiela ta' korsijiet, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea saħaq dwar l-importanza li l-għalliema jżommu ruħhom aġġornati mat-tibdil li jkun qed isir fil-qasam edukattiv biex ikun f'pożizzjoni li jagħtu tagħlim ta' kwalita' lill-istudenti fdati f'idejhom.
Il-Gvern hu konxju tal-ħtieġa li l-għalliema jingħataw it-tariġ li għandhom bżonn u għal dan l-iskop anke din is-sena investa b'mod qawwi għat-taħriġ ta' l-għalliema li għandhom sehem determinanti fit-twettieq tal-Kurrikulu Nazzjonali.
Il-Ministru Galea fakkar li f'Mejju ta' din is-sena, kien hemm 4600 student li għamlu l-eżamijiet tal-Junior Lyceum. Minn dawn għaddew 2515, jiġifieri 54.67% ta' dawk li għamlu l-eżami. Dan il-perċentwali ta' studenti li kisbu suċċess hu l-ogħla wieħed miksub minn meta bdew isiru dawn l-eżamijiet fl-1981 u hu 3% aktar minn dak miksub fl-2000 u 4.29% aktar minn tal-1999.
Mill-applikanti kollha ta' din is-sena, 3749 kienu jattendu skejjel Primarji ta' l-Istat. Minn dawn għaddew 1936 jiġifieri 51.64%. Din hi l-ewwel sena li aktar min-nofs l-istudenti mill-iskejjel tal-Gvern li għamlu dan l-eżami, għaddew.
Il-Ministru Galea sostna li għalliema, ġenituri u studenti jinħtieġ li jaħdmu flimkien biex in-numru ta' studenti li jiksbu edukazzjoni bażika ta' kwalita' jibqa' jiżdied sakemm kulħadd ikollu l-edukazzjoni meħtieġa. Hu fakkar li l-Gvern qed jinvesti miljuni kbar ta' liri u filwaqt li qed isaħħaħ id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ħoloq ukoll strutturi ġodda kumplimentari biex ikunu ta' servizz effettiv lill-istudenti.
Fost dawn semma l-Kunsill Nazzjonai għall-Kurrikulu, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Dan kollu għandu jgħin biex fis-snin li ġejjin il-kwalita' ta' l-edukazzjoni titjieb mill-iċken sa l-ogħla livell.
Il-Ministru Galea rringrazzja lill-parteċipanti f'dawn il-korsijiet għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom u awguralhom suċċess.
Fil-korsijiet obbligatorji il-parteċipanti jingħataw tagħrif dwar tibdil li jkun qed isir fis-sillabu ta' suġġetti partikolari, l-eżamijiet tal-MATSEC u kotba ġodda fis-suġġett partikolari li jgħallmu. Il-korsijiet volontarji huma aktar intenzjonati biex il-parteċipanti fihom jaqsmu esperjenzi li jiltaqgħu magħom fl-iskejjel u jkopru varjeta' ta' suġġetti. Il-parteċipanti kollha f'dawn il-korsijiet jingħataw ċertifikati.
Il-parti l-kbira ta' dawn il-korsijiet isiru fl-iskola Marija Regina fi Blata-l-Bajda għalkemm jintużaw ukoll ċentri oħra. Se jsiru wkoll ħewġ korsijiet f'Għawdex għall-għalliema Għawdxin
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN