Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, WAQT IKLA GHAD-UNUR IL-PRIM MINISTRU TAT-TUNEZIJA L-ET MOHAMED GHANNOUCHI FIL-BERGA TA' KASTILJA. 5 TA' APRIL 2001

pr0513
Date Icon 05/04/2001

Wasal il-waqt, Onorevoli Prim Ministru, kollega tiegħi, u intom ilkoll li tiffurmaw parti mis-segwitu tiegħu, - li ngħid bil-kliem u fil-pubbliku dak li sa issa konna qed ingħidu mod ieħor, bil-ġesti, billi nieklu flimkien bl-aqwa ħbiberija.

Permezz tiegħi, huwa l-Gvern u l-poplu kollu ta' Malta, li jixtieq isellem, fil-persuna tiegħek, lill-Gvern u l-poplu tal-pajjiż li hu l-eqreb fost il-ġirien tagħna fuq in-naħa ta' l-Afrika ta' Fuq, it-Tuneżija. F-isem il-Maltin kollha, jiena nixtieq, bħalma naf li intom tixtiequ lilna, li tinżel kull ħniena u barka fuqkom ta' dak Alla, li intom u aħna insejħu bl-istess isem.

Fost il-wirt kulturali komuni li l-intriċċi storiċi minsuġa mill-ġeografija ħallew kemm lil pajjiżna kif ukoll lil pajjiżkom, tispikka l-figura folkloristika ta' Ġaħan, kif insejħulu aħna, jew Ġoħa, kif issejħulu intom. Sew intom u sew aħna nammirawh lil Ġaħan, għaliex il-praspar li jagħmel għall-ewwel jidhru ta' baħnan, imma sikwit jirriżultaw meta tirrifletti fuqhom denji ta' filosfu. Hekk hi l-praspura tiegħu forsi l-aktar popolari fost il-Maltin; ommu qaltlu biex meta joħroġ mid-dar, jiġbed il-bieb warajh, u hu qalgħu l-bieb minn mal-pernijiet u kaxkru warajh, u b'hekk ħalla d-daħla tad-dar miftuħa beraħ. Ftit snin ilu, l-aqwa kittieb tat-tijatru li kellna Malta fis-seklu li għadda, Francis Ebejer, kiteb kummiedja filosofika fejn mill-ġest ta' Ġaħan joħroġ il-kuntrast bejn ġenerazzjoni antika li kienet trid l-egħluq u l-firda, simboleġġjati mill-bieb magħluq, u ġenerazzjoni ġdida li riedet tneħħi l-mezzi kollha ta' separazzjoni bejn il-bnedmin, u l-aktar bejn il-ġirien, bħalma Ġaħan qala' mill-pernijiet u neħħa min-nofs il-bieb, inkwantu meqjus bħala mezz ta' egħluq u mhux ta' komunikazzjoni ħielsa.

Aħna, sur Prim Ministru, ltqajna illum biex nissuktaw bil-ġest ta' Ġaħan kif interpretah id-drammaturgu Ebejer. Aħna irridu inneħħu dak kollu li jxekkel l-iskambju ħielsa u ta' ġid bejn il-pajjiżi u l-popli tagħna. Aħna ċerti li dik hija t-triq ta' l-iżvilupp tal-ġejjieni.

Naf li ma kienx dejjem hekk fl-imgħoddi. U m'għandix dubju li jkun interessanti bil-bosta kieku kellu jinkiteb ktieb bil-koperazzjoni ta' storiku Malti u storiku Tunezin flimkien li jirrakonta l-ħafna intriċċi ? kif diġa sejjaħilhom ? fl-istorja taż-żewġ pajjiżi tagħna. Nistgħu mmorru lura saż-żmenijiet meta l-Maltin kienu, bħall-Kartaġiniżi f'pajjiżkom, parti minn dik ix-xibka Feniċja li kienet ir-rivali l-kbira tal-Griegi; u nkomplu sa dawk id-diversi komunitajiet Maltin li saru parti minn nies tat-Tuneżija anki fi żminijiet qrib tagħna, bħall-famużi għaddasa għall-isponoż fil-gżira sabiħa tagħkom ta' Kerkenna. Imma ma nistax inkun jien, u wisq inqas f'din l-okkażjoni, li nipprova ninseġ l-anqas biċċa zgħira minn din l-istorja mlewna, u li tinstema isbaħ kieku ngħannuha b'żewġt ilħna, wieħed Malti u l-ieħor Tuneżin.

Illum, irrid biss insemmi fuq fuq ftit mill-ħafna proġetti li mexjin 'il quddiem bihom skond il-ftehim li ntlaħaq inqas minn sena ilu meta żarna hawnhekk il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin. Nibda bil-kummerċ, mhux għax aħna materjalisti, iżda għax il-kapaċita fl-iżvilupp ta' kummerċ ġust hija waħda mill-kwalitajiet li l-barranin dejjem irrikonoxxewlna, lilna l-popli tal-Mediterran.

Biż-żewġ akkordji li ffirmajna ? għall-eżenzjoni mit-taxxa doppja u għall-promozzjoni ta' l-investiment ? qegħdin naraw iseħħ ħafna progress: il-kummerċ bejnietna jkompli jikber; il-Kummissjoni Mista Maltija ? Tuniżina tkattar l-attivita; il-mixja lejn Żona ta' Kummerċ Ħieles tieħu spinta; kapital Malti jiġi investit fit-Tuneżija; Bank Malti ? il-Bank of Valletta ? jiftaħ uffiċju f'Tuneż.

Iffirmajna ftehim ukoll għall-iskambji kulturali u taż-Żgħażagħ. Nista' ngħid hawnhekk li forsi ħadd daqs kompożituri Maltin u oħrajn Tuneżini ma wrew abilta simili filli jżewġu u jżewqu flimkien, b'mod kreattiv t-tradizzjonijiet mużikali iffjorixxew fuq iż-żewġ naħat tal-Baħar tagħna. Jiena ċert li aktar kollaborazzjoni f'dan il-qasam għandu jwassal għall-espressjoni dejjem aktar sinifikattivi ta' l-identita kulturali sħiħa tad-dinja Mediterranja.

Oqsma oħra li fihom għad irridu nkabbru iżjed il-kollaborazzjoni huma dawk tal-Protezzjoni Ċivili u tal-koperazzjoni bejn il-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalita internazzjonali organizzata.

Il-ħidma id f'id bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Tuneżin tat ukoll frott tajjeb fejn ir-relazzjonijiet ma kienux biss bilaterali bejnietna, iżda kienu mdaħħlin nazzjonijiet oħra, f'qafas multilaterali. Hekk Malta u t-Tuneżija ħadmu flimkien biex tinħatar għall-Mediterran l-ewwel Kummissjoni Reġjonali tal-Ġnus Magħquda għall-Iżvilupp Sostenibbli. Għadna nimbuttaw spalla ma' spalla biex jieħdu suriet u xejriet aktar prattiċi fir-rigward tal-Mediterran kemm l-Organizazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll l-proċess EuroMediterranju mibdi f'Barċellona. Imma, fuq kollox, huwa mistenni minn kulħadd, illi bħala membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, il-Gvern ta' Malta jkun jista' jagħti l-aqwa sehem biex mhux biss jitqawwa d-djalogu imma wkoll tissaħħaħ is-solidarjeta vera bejn il-pajjiżi kollha tal-Mediterran.

Malta u t-Tuneżija huma ta' fehma waħda fl-impenn tagħhom li jinħolqu l-istrutturi fil-Mediterran li jiggarantixxu s-sigurta fit-tlett dimensjonijiet tagħha ? militari, ambjentali, soċjo-ekonomika. Huwa biss dan il-qafas ta' sigurta komprensiva li jippermetti lill-ħbiberija bejnietna tikber mhux biss bl-ispirtu filosofiku u ċajtier ta' Ġaħan, imma fuq kollox bir-rabta mar-rieda ta' Alla, li hija l-qofol tal-fidi ta' l-ulied kollha ta' Abraham.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow