STQARRIJA MILL-MINISTERU TA' L-AGRIKOLTURA U SAJD DWAR GHAJNUNA LI NGHATAT LILL-BDIEWA U SAJJIEDA
pr0017
09/01/2001
| Il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd jirreferi għall-istqarrija | maħruġa l-bieraħ mill-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd. dwar għajnuna li ngħatat riċentement lill-bdiewa u sajjieda. |
| L-ewwel ħaġa li għanda tiġi miċħuda | kategorikament hija l-allegazzjoni ta' diskriminazzjoni bejn membri ta' koperattiva jew oħra fil-għoti ta' din l-għajnuna. Fl-ebda stadju tal-proċess ma jiġi kkunsidrat f'liema koperattiva l-individwu li jkun qed jagħmel it-talba ikun membru. Fil-fatt, tajjeb li toħroġ bħala informazzjoni għal pubbliku li meta, wara li nstemgħet din l-istqarrija, saru l-kontrolli dwar f'liema koperattiva huma membri l-benefiċjarji ta' din l-għajnuna, irriżulta li fosthom hemm ukoll min hu membru f'din il-koperattiva, jiġifieri fil-koperattiva mmexxija minn Joseph Abela bħala President, minkejja n-numru relattivament żgħir ta' membri sajjieda li għandha. Dan jixhed il-kuntrarju ta' dak li qed tallega l-koperattiva f'din l-istqarrija tagħha. |
| Il-Kummissjoni għal Għoti u Self tikkonsidra | talbiet għal għajnuna fil-forma ta' self issussidjat tul is-sena kollha. Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, irriżulta li wara li kienu pproċessati t-talbiet kollha magħmula minn bdiewa w sajjieda għal self issussidjat, kien fadal xi fondi li ma ntużawx, u għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li jiġu ikkunsidrati xi talbiet għal għajnuna fil-forma ta' għotjiet. Fost dawk li bbenefikaw, kien hemm membri fil-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd., li ħarġet l-imsemmija stqarrija, illi bbenefikaw fuq talba li kienet ilha approvata madwar ħames snin u li ma kienetx ingħatat qabel minħabba f'nuqqas ta' fondi. Ġie allegat ukoll li ngħatat għajnuna lil sajjieda dilettanti. Dan mhux minnu, ghaliex kull min ibbenefika kien jaħdem bħala full-time. |
| Il-Ministeru jerġa' jtenni li huwa favur l-għaqda | fost is-sajjieda f'forma ta' koperattiva waħda li tieħu ħsieb l-interessi tas-sajjieda kollha b'mod ġenwin u mhux li tkun xi forma ta' strument politiku. Tajjeb li wieħed ifakkar li l-kumitati tat-tmexxija jiġu eletti fost il-membri, u allura l-allegazzjoni li l-Ministeru jiffavorixxi kumitati b'kulur politiku partikolari, huwa assolutament bla bażi, fil-verita. Il-Ministeru lanqas ma jista' jifhem kif il-Koperattiva qegħda iġġib l-argument illi l-għaqda bejn il-koperattivi tas-sajjieda intefgħet lura propju għaliex wara ħafna snin reġgħet qed tingħata din il-forma ta' għajnuna lis-sajjieda. Kull min verament għandu l-aħjar interessi tal-bdiewa u s-sajjieda f'pajjiżna għandu jieħu pjaċir b'din l-għajnuna u mhux jipprova jgħid affarijiet li ma humiex minnhom biex joħloq firda u divizjoni fost is-sajjieda. |
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN