STQARRIJA MILL-AWTORITÀ TA’ MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR: Il-prodott Superglue perikoluż għall-konsumatur
L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), qed tirtira minn fuq is-suq il-prodott Superglue li jidher fir-ritratt, dan wara li nstab li fih ammont kbir ta’ chloroform li jista’ jikkawża irritazzjoni fil-ġilda u, agħar minn hekk, jista’ jkun ta’ detriment għas-saħħa tagħna jekk jinxtamm jew jinbela’. Minħabba li dan il-prodott mhux konformi mar-Regolament tar-REACH, wieħed jista’ jsib notifikazzjoni fuq is-sistema RAPEX tal-Kummissjoni Ewropea.
Fid-dawl ta’ dan, il-konsumaturi għandhom jevitaw l-użu ta’ din il-kolla u huma mħeġġa jirritornawhom fil-ħwienet minn fejn xtrawhom. L-operaturi ekonomiċi huma ordnati li jieqfu milli jbiegħu jew iqiegħdu dan il-prodott fuq is-suq. Barra minn hekk, l-MCCAA tieħu azzjoni, kif prevista mil-liġi, kontra dawk l-operaturi ekonomiċi li jkomplu jqiegħdu dan il-prodott fuq is-suq.
Għal mistoqsijiet u tagħrif ieħor rigward dan il-prodott jew xi prodotti oħrajn li mhumiex tal-ikel, misjuba fuq is-suq Malti, wieħed jista’ jikkuntattja lill-MCCAA fuq 23952000; info@mccaa.org.mt; jew billi jżur www.mccaa.org.mt.