Left arrow Go Back

IL-MINUTI U L-MEMORANDA TAL-KABINETT SE JINFETĦU GĦAR-RIĊERKA FL-ARKIVJI NAZZJONALI

Date Icon 23/01/2014
;
Minuti tal-Kabinett u l-memoranda li ġew diskussi waqt il-laqgħat l-imgħoddija tal-Kabinett ser jibdew jinfetħu għar-riċerka fl-Arkivji Nazzjonali.  Dan wara li dawn id-dokumenti li jkopru l-laqgħat tal-Kabinett bejn l-1962 u l-1981 ġew mgħoddija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-Arkivji Nazzjonali waqt żjara li saret fl-istess Arkivji fir-Rabat mis-Sur Mario Cutajar, Segretarju tal-Kabinett u Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
 
Il-minuti, li jkopru s-snin sebgħin ma nstabux, għajr in-noti għalihom. Dawn ukoll iżda ġew mgħoddija lill-Arkivji Nazzjonali. Kienu diversi drabi fl-imgħoddi mhux ’il bogħod li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntalab biex dawn id-dokumenti jinfetħu għal skopijiet ta’ riċerka iżda din it-talba qatt ma ntlaqgħet. Meta dan l-aħħar saret it-talba għal darb’oħra, l-Uffiċċju tal-Kabinett għamel l-arranġamenti meħtieġa biex dawn id-dokumenti jinġarru lejn l-Arkivji Nazzjonali.
 
“Il-ftuħ tad-dokumenti tal-Kabinett tal-Gvern Malti għar-riċerka huwa pass storiku, kemm għall-Gvern Malti, għall-Arkivji Nazzjonali kif ukoll fir-riċerka u l-iżvilupp tad-dokumentazzjoni tal-Istat Malti. Nawgura li dan l-iżvilupp iwassal għal għarfien aħjar tal-istorja u tal-iżvilupp ta’ pajjiżna,” qal is-Sur Cutajar waqt li kien qed idur il-faċilitajiet u l-kollezzjonijiet li hemm fl-Arkivji Nazzjonali.
 
L-istorja tal-‘kabinett’ f’Malta tibda bl-ewwel żewġ perjodi ta’ self-government (1921-1933 u 1947-1958).  Hawnhekk, il-Gvern Malti kien msejjaħ “il-Ministeru” (the Ministry) li kien jitlaqqa’ taħt il-“Kap tal-Ministeru” (Head of Ministry) u d-deċiżjonijiet kienu jittieħdu mill-Ministri.  Madanakollu, it-terminu ‘kabinett’ mhux użat fil-kostituzzjoniet fis-seħħ matul dak iż-żmien.  Din kienet għażla konxja tal-Gvern Ingliż sabiex tinżamm id-differenza bejn Malta bħala kolonja u d-Dominions, eż. il-Kanada, fejn kien hemm Prim Ministru (mhux Kap tal-Ministeru) u l-Kabinett.
 
L-ewwel kostituzzjoni ta’ Malta li tistipola Kabinett fl-istruttura tal-Gvern kienet il-Kostituzzjoni tal-1962 (Blood Constitution). Fil-fatt id-dokumenti uffiċjali tal-Kabinett jibdew fl-1962, bl-ewwel laqgħa ssir fis-27 ta’ Awwissu 1962.
 
Sa mill-Indipendenza, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tistipola li l-Kabinett, magħmul mill-Prim Ministru u l-Ministri, għandu “d-direzzjoni ġenerali u l-kontroll tal-Gvern ta’ Malta u jkun responsabbli kollettivament dwar hekk lejn il-Parlament.” (artiklu 79).
 
Is-Sur Charles Farrugia, l-Arkivista Nazzjonali qal li l-minuti tal-laqgħat tal-Kabinett u l-memoranda diskussi bejn l-1962 u l-1981 ser ikunu aċċessibli għall-pubblliku u għar-riċerkaturi fl-Arkivji Nazzjonali r-Rabat b’seħħ mit-3 ta’ Frar 2014.
 
Share this Press Photo Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials