Left arrow Go Back

Il-ħidma tas-sajjieda lokali ċċelebrata waqt Festa Tonn f’Marsaskala

Date Icon 07/06/2025
;
​​Is-Sibt filgħodu f’Marsaskala ngħata bidu għal Festa Tonn fejn numru ta’ familji qed jattendu għall-ewwel edizzjoni ta’ din il-festa, imtellgħa mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.

Din il-festa qed tiċċelebra l-ħidma tas-sajjieda lokali flimkien mat-tonn li bħalissa jinsab fl-istaġun tiegħu. Bosta għaqdiet u produtturi lokali ngħataw l-opportunità biex jesponu l-prodotti lokali tagħhom flimkien ma’ bankarelli oħra li qed jesebixxu diversi oġġetti relatati mas-settur tas-sajd. Il-pubbliku jista’ jixtri wkoll tonn frisk dirett mingħand il-bejjiegħa li jinsabu preżenti waqt din il-festa.

Waqt il-ftuħ ta’ Festa Tonn, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said qalet, “Avvenimenti bħal dawn ikomplu jesponu l-ħidma tant importanti tas-sajjieda tagħna filwaqt li qed inżidu l-għarfien dwar dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.” Hija kompliet tgħid li festi bħal dawn joffru nifs ġdid għal dan is-settur u jkomplu jpoġġu aktar dawl fuq ix-xogħol importanti li jwettqu s-sajjieda lokali biex il-familji Maltin u Għawdxin jingħataw prodott lokali u frisk għall-konsum tagħhom.

L-attività se tibqa’ għaddejja sad-9pm tal-lejla b’divertiment minn Dan u San flimkien mal-marċ brijuż mill-Banda tal-Għaqda Mużikali Sant’Anna, kantanti bħal Claudia Faniello, Gaia Cauchi, Lisa Gauci, Fabrizio Faniello, Marisa D’Amato, u Veronica u Joe. Attivitajiet oħra jinkludu dawra bil-luzzu, ikla tonn tradizzjonali fuq il-BBQ u hemm ukoll żona ddedikata għat-tfal. Qed tittella’ wkoll kompetizzjoni tas-Sajd Sportiv waqt Festa Tonn fejn id-dilettanti jistgħu jieħdu sehem u juru l-ħiliet tagħhom.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi għal Festa Tonn li se tibqa’ għaddejja sad-9pm.

​

​

Share this Press Photo Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials